Malti
Tifkira taʼ l-Imperu Ruman Setgħan
/assets/ct/b4d7e1101e/images/syn_placeholder_sqr.png
g04 7/8 pp. 14-17

Tifkira taʼ l-Imperu Ruman Setgħan

Tifkira taʼ l-Imperu Ruman Setgħan

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-​ĠERMANJA

X’inhi dik il-​ħaġa li għandha iktar minn 1,900 sena, hija itwal minn 500 kilometru, u hi waħda mill-​iktar monumenti storiċi grandjużi taʼ l-​Imperu Ruman fl-​Ewropa Ċentrali? It-​tweġiba: il-​“limes.”

IL-​LIMES huwa l-​isem taʼ katina taʼ fortifikazzjonijiet mibnija mir-​Rumani biex jipproteġu l-​fruntiera tat-​tramuntana taʼ l-​Imperu mit-​tribujiet Ġermaniċi. Illum dawn il-​fortifikazzjonijiet jagħtu prova tas-​setgħa li kellu l-​Imperu Ruman tal-​qedem.

It-tifsira oriġinali tal-​kelma Latina limes hija ‘passaġġ magħmul mill-​bniedem li jgħaddi min-​nofs taʼ territorju u jaqsmu fi tnejn.’ Il-​limes inbnew bħala passaġġ, jew triq. Ma kinux maħsubin biex isiru fruntiera. Madankollu, wara li nbnew, il-​limes saru fruntiera. Il-​bini tagħhom immarka bidla drammatika fl-​istorja taʼ l-​Imperu Ruman.

Għala Nbnew il-​Limes?

It-​tribujiet Ġermaniċi li kienu fuq in-​naħa l-​oħra tal-​fruntiera tat-​tramuntana taʼ l-​Imperu Ruman​—reġjun li xi drabi jissejjaħ il-​barbaricum—kienu ostili lejn Ruma. F’dawn l-​inħawi, tribujiet bħal dak tal-​Katti kienu spiss jattakkaw bla mistenni l-​fruntiera u jidħlu fit-​territorju Ruman. Il-​Katti kienu gwerriera feroċi, u għalhekk kampanja militari kontrihom kienet tiġi tiswa ħafna.

Minflok ma invadiet il-​barbaricum, l-​armata Rumana bniet il-​limes biex taqsam minn ġo fih, u b’hekk ifformat passaġġ li kien jgħaddi angolat bejn ix-​xmajjar Renu u Danubju, f’territorju mhux mirbuħ. F’xi postijiet, dan il-​passaġġ ġie mgħoddi minn qalb foresti b’ħafna siġar. Matulu tpoġġew suldati biex jgħassuh, u b’hekk il-​vjaġġaturi kienu jistgħu jgħaddu minnu b’inqas perikli.

Għall-​ewwel, ir-​Rumani għamlu sempliċement mogħdija wiesgħa. Maż-​żmien, tul it-​triq bnew torrijiet taʼ l-​injam li kienu kbar biżżejjed biex setgħu joqogħdu fihom is-​suldati. It-​torrijiet kienu mibnijin b’tali mod li minn wieħed stajt tara l-​ieħor. Matul it-​triq, bnew ukoll ħajt għoli kważi tliet metri magħmul minn arbli taʼ l-​injam ġejjin għall-​ponta. Ftit tas-​snin wara, inbnew rampa u foss. F’xi postijiet, ġew miżjudin ħitan u torrijiet taʼ l-​għassa tal-​ġebel.

F’reġjuni mwarrba nbnew iktar fortijiet fejn setgħu joqogħdu t-​truppi. Fl-​aħħar, sat-​tielet seklu E.K., il-​fruntiera tal-​limes fil-​Ġermanja kienet twila iktar minn 500 kilometru. Kienet tinkludi 60 fortizza kbira u għadd taʼ fortijiet iżgħar. Iktar minn hekk, kien hemm gwardji jgħassu l-​fruntiera minn madwar 900 torri taʼ l-​għassa. Xi wħud jgħidu li dawn kienu għoljin tliet sulari, jiġifieri għoli taʼ għaxar metri.

Fruntiera Mibnija mill-​Bniedem

Għalhekk, dak li fil-​bidu kien passaġġ li jgħaddi minn nofs it-​territorju taʼ l-​għadu sar fruntiera artifiċjali, mibnija mill-​bniedem. Il-​fruntiera tal-​limes, mill-​Ġermanja kienet tibqaʼ sejra u tidħol f’dik li issa hi l-​Olanda, sal-​kosta tal-​Baħar tan-​Nord. U meta kienu jokkupaw l-​Ingilterra, ir-​Rumani bnew il-​Ħajt taʼ Adrijanu u l-​Ħajt taʼ Antoninu biex jipproteġu l-​fruntiera mit-​tribujiet tal-​Kaledonja li kienu joqogħdu f’dik li issa hi l-​Iskozja.

Il-limes ma kinux mibnijin bl-​intenzjoni li jagħlqu l-​fruntiera għalkollox. Fihom inbnew bibien li minnhom in-​nies tal-​barbaricum setgħu jgħaddu mil-​limes għal ġor-​Raezja u l-​Ġermanja Superjuri li kienu provinċji Rumani. Dan ta opportunità lin-​nies biex jixtru u jbigħu l-​prodotti tagħhom.

Il-limes jagħtu evidenza taʼ bidla drammatika fil-​politika Rumana. T. W. Potter jikteb: “Għal ħafna sekli, fl-​opinjoni tar-​Rumani, l-​idea li l-​imperu għandu jkollu fruntieri definiti kienet kważi ma titwemminx.” B’hekk il-​fruntiera mmarkat “il-​bidu taʼ bidla deċiżiva fil-​politika, minn espansjoni għal stabbilizzar taʼ limiti.”

Kemm Għad Fadal Minnhom?

Sat-​tielet seklu, ftit ftit l-​imperu beda jaqbad in-​nieżla. Eventwalment, l-​armata rtirat mill-​fruntiera tal-​limes. Il-​fortifikazzjonijiet bdew jaqgħu biċċiet u l-​ġebel u l-​injam ittieħdu biex jintużaw għal affarijiet oħrajn. Il-​fruntiera taʼ wieħed mill-​iktar imperi setgħana li qatt rat id-​dinja malajr saret miksija bil-​ħaxix u ġiet abbandunata. Bil-​mod il-​mod intesiet għalkollox.

Madankollu, fit-​tmiem tas-​seklu 19 beda jiżdied l-​interess fl-​istorja u t-​tradizzjoni Rumana fil-​Ġermanja. Minn dak inhar ’l hawn, ġew restawrati partijiet żgħar mill-​foss, ir-​rampa u l-​ħajt tal-​limes, u wkoll xi ftit mill-​fortijiet u t-​torrijiet taʼ l-​għassa. Madankollu, baqaʼ sezzjonijiet kbar li ma ġewx restawrati, u li bil-​kemm tistaʼ tagħraf x’kienu.

Wieħed mill-​aqwa fortijiet li ġew restawrati huwa dak taʼ Saalburg fir-​reġjuni taʼ Taunus, madwar 40 kilometru ’l bogħod mill-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Ġermanja. Il-​forti, li l-​qisien tiegħu huma 147 metru b’221 metru, hu mdawwar b’foss u ħajt tal-​ġebel li fuqu hemm it-​torrijiet taʼ l-​għassa. Oriġinalment fih setgħu joqogħdu madwar 500 suldat. Fiċ-​ċentru tal-​forti hemm l-​iktar parti importanti tal-​bini, il-​kwartieri ġenerali, jew il-​principia.

Fin-naħa taʼ wara tal-​principia hemm niċċa fejn kienet tinżamm l-​emblema, jew l-​istandard. Il-​ktejjeb Limeskastell Saalburg (Il-Forti tal-​Limes f’Saalburg) jgħid: “In-​niċċa għall-​istandard kienet dedikata lill-​allat patruni taʼ l-​Imperu Ruman u għall-​qima taʼ l-​imperatur. Gwardja taʼ l-​unur kienet tagħmel parata quddiemha matul il-​ġurnata.” Għalhekk, ir-​restorazzjonijiet tal-​limes jikkonfermaw li r-​reliġjon kellha rwol fil-​ħajja militari.

Minn mindu saret din ir-​restorazzjoni, il-​fruntiera tal-​limes saret attrazzjoni turistika popolari. F’ħafna postijiet, il-​linja fejn qabel kien hemm il-​limes issa saret passaġġ għal dawk li jħobbu jmorru jimxu. Jekk tiġi il-​Ġermanja, għaliex ma tagħtix daqqa t’għajn int stess ? Tkun tistaʼ tara tfakkira li timpressjonak, li llum jew għada, anki l-​iktar imperi umani setgħana jispiċċaw biex jaqbdu n-​niżla u jiġu fix-​xejn.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 15]

IL-​ĦAJJA TAʼ SULDAT RUMAN

L-​armata Rumana kienet magħmula minn leġjunarji, li kienu ċittadini Rumani, u truppi awżiljarji (auxilia) li kienu rekluti minn popli li ntrebħu mill-​imperu. L-​iżgħar grupp fl-​armata kien il-​contubernium, li kien jikkonsisti f’xi għaxar suldati li kienu jgħixu flimkien. Għaxar contubernia kienu mmexxijin minn uffiċjal, iċ-​ċenturjun. Sittin ċenturjun kienu jifformaw leġjun, li kellu total taʼ madwar 4,500 sa 7,000 suldat.

“Armata timmarċja skond kemm titmagħha,” qal Napuljun Bonaparti. Ruma indunat b’din il-​ħaġa ħafna qabel ma qalha Napuljun u lit-​truppi tagħha kienet titmagħhom tajjeb. “Fl-​armata Rumana qatt ma kien hemm xi ribelljoni minħabba li l-​ikel ma kienx taʼ kwalità tajba,” tikkummenta Archäologie in Deutschland. Fil-​fatt, “f’xi partijiet fid-​dinja Rumana, l-​ikel tat-​truppi kien taʼ kwalità aħjar minn dak tal-​popolazzjoni ċivili.”

Ir-​razzjonijiet taʼ l-​ikel taʼ kuljum kienu jikkonsistu f’laħam frisk, frott, ħaxix, ħobż tal-​qamħ, u żejt. Madankollu, is-​suldati ma kinux imfissdin. “L-​armata Rumana ma kellix kafetterija,” tispjega r-​rivista t’hawn fuq. Kull contubernium kellu jipprepara l-​ikel għas-​suldati fil-​grupp tiegħu.

Wara 25 sena taʼ servizz militari, suldat Ruman kien jintbagħat mis-​servizz bl-​unuri u, bħala rikonoxximent għas-​servizz tiegħu, kien jingħata somma flus jew biċċa art. Suldat awżiljarju kien jingħata ċ-​ċittadinanza Rumana kemm lilu kemm lit-​tfal tiegħu. “Għal ħafna rġiel, is-​servizz fl-​armata Rumana kien l-​iktar mod faċli biex isiru ċittadini Rumani,” jirrapporta l-​ktieb Der Limes zwischen Rhein und Main (Il-Limes Bejn ir-​Renu u l-​Mejn).

[Mappa/Stampi f’paġna 16, 17]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

IL-​LIMES LI ĠEW RESTAWRATI FIL-​ĠERMANJA

Il-​fruntiera tal-​“limes”

1 Wiesbaden

Ħajt magħmul minn arbli taʼ l-​injam u torri taʼ l-​għassa tal-​ġebel

2 Butzbach

Torri taʼ l-​għassa bil-​qafas taʼ l-​injam u l-​ħitan tat-​terrapien

3 Weissenburg

Bieb fit-​tramuntana taʼ forti biċ-​ċangaturi tal-​ġebel

4 Saalburg

Wieħed mill-​iktar fortijiet restawrati tajjeb

5 Rainau

Torri taʼ l-​injam u ħajt magħmul minn arbli taʼ l-​injam

[Sors]

Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.