2 Pietru 2:1-22

2  Madankollu, kien hemm ukoll profeti foloz fost il-​poplu, bħalma għad ikun hemm ukoll għalliema foloz fostkom.+ Dawn idaħħlu baxx baxx setet qerridin u jiċħdu saħansitra lis-​sid li xtrahom,+ u b’hekk iġibu qerda mgħaġġla fuqhom infushom. 2  Iktar minn hekk, ħafna jimxu warajhom+ fil-​kondotta laxka tagħhom,+ u minħabba fihom it-​triq tal-​verità tiġi mmaqdra.+ 3  Ukoll, imqanqlin mir-​regħba* jisfruttawkom bi kliem qarrieq.+ Imma għalihom, il-​ġudizzju li kien deċiż sa mill-​qedem+ mhux riesaq bil-​mod, u l-​qerda tagħhom mhix rieqda.+ 4  Ċertament, jekk Alla ma żammx lura milli jikkastiga lill-​anġli+ li dinbu, imma, billi xeħithom f’Tartaru,*+ tefagħhom f’ħofor taʼ dlam ċappa biex jinżammu għall-​ġudizzju;+ 5  u ma żammx lura milli jikkastiga dinja tal-​qedem,+ imma lil Noè, predikatur tal-​ġustizzja,+ żammu qawwi u sħiħ maʼ sebgħa oħrajn+ meta ġab dilluvju+ fuq dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla; 6  u billi għamel irmied il-​bliet taʼ Sodoma u Gomorra, ikkundannahom,+ u b’hekk lill-​bnedmin bla devozzjoni lejn Alla ħallielhom mudell taʼ dak li għandu jiġri;+ 7  u ħeles lil Lot,+ raġel sewwa li kien imnikket ferm bil-​kondotta laxka u bla rażan taʼ nies li kienu jisfidaw il-​liġi+— 8  għax dan ir-​raġel sewwa, b’dak li ra u semaʼ waqt li kien jgħammar fosthom minn jum għal ieħor, kien jitturmenta ruħu minħabba l-​għemejjel tagħhom kontra l-​liġi— 9  Ġeħova jaf kif jeħles mill-​provi+ lil dawk li huma devoti lejh, imma jżomm lil dawk li huma inġusti għall-​qtugħ f’jum il-​ġudizzju,+ 10  u speċjalment dawk li jiġru wara l-​oħrajn bix-​xewqa li jniġġsulhom laħamhom+ u li jmaqdru lil min hu fuqhom.+ Sfidanti, taʼ rashom, ma jibżgħux mill-​glorjużi imma jmaqdruhom,+ 11  filwaqt li l-​anġli, għalkemm huma akbar fis-​saħħa u l-​qawwa, ma jġibux xi akkuża kontrihom bi tmaqdir,+ u dan b’rispett lejn Ġeħova.+ 12  Imma dawn in-​nies, bħal annimali bla raġuni, li min-​natura jitwieldu biex jinqabdu u jinqerdu, fl-​affarijiet li jmaqdru+ għalkemm ma jafux dwarhom, jieħdu wkoll il-​qerda fit-​triq tal-​qerda li qabdu, 13  billi jagħmlu l-​ħsara lilhom infushom+ bħala ħlas għall-​ħażen tagħhom.+ Għalihom hu taʼ pjaċir li bi nhar jgħixu fil-​lussu.+ Huma tbajjaʼ u difetti, u jitgħaxxqu bla rażan bit-​tagħlim qarrieq tagħhom waqt li jiffesteġġaw flimkien magħkom.+ 14  Għajnejhom mimlijin adulterju+ u m’humiex kapaċi jirreżistu d-​dnub,+ u jħajru lil erwieħ li m’humiex sodi. Qalbhom imħarrġa fir-​regħba.+ Huma wlied misħutin.+ 15  Abbandunaw it-​triq id-​dritta u ġew imqarrqin. Imxew fit-​triq taʼ Balgħam,+ bin Begħor, li ħabb il-​premju tal-​ħażen+ 16  u qalaʼ ċanfira talli hu stess ħadha kontra s-​sewwa.+ Bhima tat-​tagħbija bla leħen, li tkellmet b’vuċi taʼ bniedem,+ fixklet lill-​profeta fil-​kondotta miġnuna tiegħu.+ 17  Dawn huma għejun bla ilma,+ u ċpar misjuq minn maltempata qawwija, u għalihom hemm merfugħa s-​swidija tad-​dlam.+ 18  Għax huma jlissnu kliem li jneffaħ u bla siwi, u bix-​xewqat tal-​laħam+ u bid-​drawwiet laxki jħajru+ lil dawk li għadhom kif ħarbu+ min-​nies li jgħixu fl-​iżball. 19  Waqt li jwegħduhom il-​libertà,+ huma nfushom ilsiera tal-​korruzzjoni.+ Għax kulmin jintrebaħ minn ħaddieħor jitjassar minnu.+ 20  Ċertament li jekk, wara li jkunu ħarbu mit-​tinġis tad-​dinja+ b’għarfien eżatt dwar il-​Mulej u s-​Salvatur Ġesù Kristu, jerġgħu jinvolvu ruħhom f’dawn l-​istess affarijiet u jintrebħu,+ il-​qagħda finali tagħhom issir agħar minn tal-​bidu.+ 21  Għax kien ikun aħjar għalihom li kieku ma sarux jafu eżatt it-​triq tas-​sewwa milli,+ wara li jsiru jafuha eżatt, jitbiegħdu mill-​kmandament qaddis li ngħatalhom.+ 22  Ġralhom kif jgħid tajjeb il-​proverbju: “Il-​kelb+ reġaʼ lura għall-​vomtu tiegħu, u l-​ħanżira maħsula reġgħet marret titmiegħek fit-​tajn.”+

Noti taʼ taħt

^ Jew, “xenqa b’għira.” F’vers 14 ukoll.
^ “Tartaru,” il-​kundizzjoni baxxa u bħal ħabs li Alla tefaʼ fiha lill-​anġli diżubbidjenti fi żmien Noè.