Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żjara f’Xagħri Abjad Kbir Ħafna

Żjara f’Xagħri Abjad Kbir Ħafna

Ittra min-​Norveġja

Żjara f’Xagħri Abjad Kbir Ħafna

HUWA kmieni f’għodwa xitwija. Aħna nittawlu minn wara l-​purtieri biex naraw kif inhu t-​temp. Nieħdu gost naraw sema blu! Se nqattgħu tlett ijiem nippritkaw f’Finnmarksvidda—pjanura kbira fuq muntanja lejn it-​Tramuntana taċ-​Ċirku Artiku.

Fix-​xitwa jkun hemm kesħa xxoqq l-​għadam fin-​Norveġja, u allura nħossuna ftit ansjużi minħabba li sejrin fix-​xagħri lejn it-​Tramuntana. Aħna ferħanin li se nivvjaġġaw maʼ tliet Xhieda taʼ Ġeħova li jgħixu fl-​inħawi. Huma jafu x’hemm jistenniena u tawna pariri tajbin.

Ma tantx hawn toroq hawnhekk. L-​aqwa mod kif tilħaq lin-​nies li jgħixu f’postijiet remoti hu permezz taʼ vettura apposta għal fuq is-​silġ. Il-​ħwejjeġ, l-​ikel, u l-​fjuwil li għandna bżonn ngħabbuhom fuq il-​vetturi u l-​islitta tagħna. Sa fejn tagħtik il-​vista kulma tara hi pjanura kbira bajda. Is-​silġ ileqq bħad-​djamanti fix-​xemx. Id-​dehra hi sabiħa immens!

F’Finnmarksvidda jgħixu renni, ċriev kbar, linċijiet, liebri, volpijiet, wolverines, u popolazzjoni żgħira t’orsijiet. Imma l-​iktar ħaġa li aħna eċċitati dwarha hi l-​prospett li nilħqu lin-​nies li jgħixu f’dan il-​post imwarrab. Nixtiequ speċjalment niltaqgħu maʼ xi nies Sami, li jaqilgħu l-​għajxien tagħhom billi jirgħu r-​renni jew jaħdmu fil-​lukandi li hemm fuq il-​muntanja.

Quddiem l-​ewwel lukanda, niltaqgħu maʼ diversi żgħażagħ li qed jiskijjaw maʼ sħabhom tal-​klassi. Jieqfu jitkellmu magħna, u jistaqsuna x’aħna nagħmlu. M’għandniex xi ngħidu, aħna nieħdu pjaċir nispjegawlhom. Hekk kif nitilquhom, wieħed minnhom jgħidilna, “Jalla kollox imurilkom sew!” Nerġgħu nitilgħu fuq il-​vetturi tagħna u naqsmu għadajjar iffriżati kbar u deżert abjad. Tgħid se naraw merħla renni?

Hekk kif nieqfu quddiem dar ċkejkna, joħroġ raġel u jilqagħna mill-​qalb. Hu wieħed mill-​ftit residenti permanenti t’hawnhekk. Meta jinduna li l-​islitta tagħna hi mkissra, b’qalb tajba joffri biex isewwihielna. Jagħmel kollox bil-​pass tiegħu; in-​nies hawnhekk ma jgħaġġlux. Hekk kif narawh anki aħna nħossuna iktar rilassati. Wara li jsewwi l-​islitta, nirringrazzjawh u nuruh ftit punti mill-​Bibbja dwar għala Alla jippermetti s-​sofferenza. Jismaʼ b’attenzjoni. Qabel ma nitilqu, hu jaċċetta l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? U r-​rivisti t-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! Jitbissem u jgħid, “Grazzi talli ġejtu żżuruni.”

Wara ftit żjajjar oħra jibda jidlam, u nibdew resqin lejn il-​kabina li se nqattgħu l-​lejl fiha. F’daqqa waħda nilmħu volpi. Is-​suf aħmar tiegħu jagħmel kuntrast mill-​isbaħ mas-​silġ abjad. Il-​volpi jieqaf għal mument, iħares lejna bil-​kurżità, u mbagħad ikompli fi triqtu. Issa tibda nieżla l-​borra, u tagħmilha diffiċli għalina biex naraw fejn sejrin. Nieħdu r-​ruħ xħin fl-​aħħar naraw il-​kabina. Inqabbdu ħuġġieġa fl-​istufa, u l-​post ma jdumx ma jisħon. Għalkemm aħna għajjenin mejtin wara ġurnata noqomsu fuq il-​vettura, inħossuna kuntenti.

Donnu jisbaħ malajr wisq. Nerġgħu ngħabbu l-​vetturi tagħna u nsuqu ’l isfel lejn il-​pjanura l-​baxxa, nimxu maġenb xmara, u naslu ħdejn lukanda oħra. Hawnhekk niltaqgħu maʼ ġuvni, u naqsmu miegħu diversi ħsibijiet inkuraġġanti mill-​Bibbja. B’qalb tajba, hu jurina l-​eħfef mod kif nerġgħu lura fil-​mogħdija.

Tasal l-​aħħar ġurnata taż-​żjara tagħna. Hekk kif nidħlu fil-​Park Nazzjonali taʼ Stabbursdalen, quddiemna naraw xena meraviljuża, u fil-​bogħod naraw muntanji miksijin bis-​silġ ileqqu fix-​xemx. Quddiemna naraw merħla kbira renni! Qed jieklu bil-​kalma, billi jużaw id-​difrejn kbar tagħhom biex iħaffru għall-​ħażiż moħbi taħt is-​silġ. Iktar ’il bogħod, naraw raġel li jitkellem bis-​Sami, bilqiegħda fuq il-​vettura tiegħu. Qiegħed għall-​kwiet iħares lejn ir-​renni tiegħu. Il-​kelb tiegħu b’attenzjoni qed jieħu ħsieb il-​merħla u jżommhom flimkien. Għal mument, il-​kelb jieqaf biex ixommna. Iżda, ma jdumx ma jerġaʼ jkompli fuq xogħlu. Naqsmu l-​messaġġ tagħna mar-​ragħaj. Hu dħuli u joqgħod jismagħna.

Aħna u sejrin lura d-​dar naħsbu dwar dawk kollha li ltqajna magħhom fil-​vjaġġ tagħna taʼ 300 kilometru. Inħossuna privileġġati li kellna sehem żgħir biex nilħqu lin-​nies f’dan ix-​xagħri abjad kbir ħafna.

[Sors tal-istampa f’paġna 29]

© Norway Post