Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IMITA L-FIDI TAGĦHOM | SARA

Alla sejħilha “Prinċipessa”

Alla sejħilha “Prinċipessa”

SARA waqfet ftit mix-​xogħol, tmattret, u ħarset fil-​bogħod. Il-​qaddejja kienu jaħdmu ħafna u ferħanin taħt it-​tmexxija tajba tagħha. Sara li kienet ħabrieka kienet tmidd idha wkoll. Immaġinaha mħassba waqt li qed togħrok idejha biex tipprova ttaffi l-​uġigħ. Forsi kienet medhija ssewwi xi roqgħa fit-​tinda li kienet darhom. Il-​materjal aħrax magħmul mis-​suf tal-​mogħoż tilef il-​kulur minħabba x-​xemx u x-​xita taʼ matul is-​snin. Lil Sara dan kien ifakkarha kemm kienu ilhom jgħixu fit-​tined. Il-​ħin taʼ waranofsinhar tar, u issa x-​xemx bdiet tbatti mill-​qawwa tagħha hekk kif kienet nieżla. Hi kienet rat lil żewġha Abraham * sejjer filgħodu, u b’ħerqa kienet qed tħares lejn fejn kien telaq. Hekk kif għarfitu mill-​mixja waqt li tfaċċa fuq xi għolja fil-​viċin, wiċċha xegħel bil-​ferħ.

Kienu għaddew għaxar snin mindu Abraham ħa l-​familja u l-​ħafna qaddejja tiegħu għan-​naħa l-​oħra tax-​Xmara Ewfrat u baqaʼ sejjer sa Kangħan. Sara kienet lesta li tappoġġja lil żewġha f’dan il-​vjaġġ twil li ma kinux jafu fejn kien se jiħodhom. Hi kienet taf li hu kellu rwol importanti fl-​iskop taʼ Ġeħova sabiex ikun hemm ġens u nisel speċjali. Imma xi rwol setaʼ jkollha Sara? Hi qatt ma setaʼ jkollha tfal, u issa għandha 75 sena. Probabbilment qalet bejnha u bejn ruħha, ‘Il-​wegħda taʼ Ġeħova kif tistaʼ titwettaq dment li jien nibqaʼ mart Abraham?’ Żgur li kien raġunevoli li tħossha kkonċernata—jew saħansitra bla paċenzja.

Kultant anki aħna għandu mnejn nitħassbu dwar meta se jitwettqu l-​wegħdi t’Alla. Forsi l-​paċenzja mhijiex fin-​natural tagħna, speċjalment meta nkunu qed nittamaw għal xi ħaġa li tkun għal qalbna. X’nistgħu nitgħallmu mill-​fidi taʼ din il-​mara straordinarja?

“ĠEĦOVA ŻAMMNI MILLI JKOLLI”

Il-​familja għadha kif irritornat mill-​Eġittu. (Ġenesi 13:1-​4) Huma kienu kkampjati fl-​għoljiet fil-​Lvant taʼ Betel. Din il-​belt, il-​Kangħanin kienu jsejħulha Luż. Minn din il-​pjanura għolja, Sara setgħet tara biċċa sew mill-​Art Imwiegħda. Kien hemm irħula Kangħanin u kien hemm toroq li jwasslu f’artijiet ’il bogħod. Tħares fejn tħares f’dik il-​veduta, xejn ma kien hemm bħall-​belt taʼ Sara. Hi trabbiet Ur, belt Mesopotamja li kienet 1,900 kilometru ’l bogħod. Hemmhekk kellha ħafna mill-​qraba tagħha, il-​kumditajiet taʼ belt sinjura b’ħafna affarijiet x’tistaʼ tixtri, u dar komda b’saqaf u ħitan solidi li probabbilment kellha anki ilma ġieri! Madankollu, jekk nimmaġinaw lil Sara tiċċassa lejn il-​Lvant bi dwejjaq fuqha għax qed tixxennaq għall-​kumdità taʼ tfulitha, mela allura għadna ma nafuhiex lil din il-​mara li kienet taqdi lil Alla.

Innota x’kien ispirat li jikteb l-​appostlu Pawlu xi 2,000 sena wara. Meta tkellem dwar il-​fidi taʼ Sara u Abraham, Pawlu qal: “Kieku tabilħaqq baqgħu jiftakru dak il-​post li minnu kienu telqu, kien ikollhom opportunità jerġgħu lura.” (Ebrej 11:8, 11, 15) La Sara u lanqas Abraham ma xxennqu għall-​passat. Li kieku qagħdu jhewdnu fuq dan il-​ħsieb, wisq probabbli kienu jiddeċiedu li jmorru lura d-​dar. Imma kieku marru Ur, kienu se jitilfu l-​privileġġ li tahom Ġeħova. U żgur li llum kieku ma nafux bihom! Minflok, huma qanqlu lil miljuni taʼ nies biex jimitaw il-​fidi tagħhom.

Minflok ma qagħdet taħseb fuq il-​passat, Sara ħarset ’il quddiem. Allura hi baqgħet tappoġġja lil żewġha fl-​art fejn kienu joqogħdu billi kienet tgħinu jżarma l-​kamp, imexxi l-​imrieħel, u jerġaʼ jarma l-​kamp. Hi ssaportiet aktar sfidi u bidliet. Ġeħova reġaʼ kkonferma dak li kien wiegħed lil Abraham—imma lil Sara reġaʼ ma semmihiex!—Ġenesi 13:14-​17; 15:5-​7.

Fl-​aħħar, Sara ddeċidiet li wasal iż-​żmien biex titkellem maʼ Abraham fuq il-​pjan li kien ilu jberren f’moħħha. Immaġina lil Sara hekk kif kontra qalbha qaltlu: “Issa, jekk jogħġbok, ismagħni! Ġeħova żammni milli jkolli t-​tfal.” Imbagħad hi qalet lil żewġha biex isir missier permezz taʼ Ħagar, il-​qaddejja tagħha. Tistaʼ timmaġina minn xiex għaddiet Sara hi u tgħid dan lil żewġha? Illum il-​ġurnata, talba bħal din għandha mnejn tinstemaʼ stramba, imma kienet xi ħaġa normali f’dak iż-​żmien li raġel ikollu t-​tieni mara, jew konkubina, biex ikollu werriet. * Forsi Sara ħasbet li huwa b’dan il-​mod li jistaʼ jseħħ l-​iskop t’Alla rigward li joħroġ ġens minn Abraham. Ġara x’ġara, hi kienet lesta li tagħmel sagrifiċċju kbir. X’kienet ir-​reazzjoni t’Abraham? Naqraw li hu “semaʼ minn kliem” Sara.—Ġenesi 16:1-​3.

Qiegħed ir-​rakkont jagħti x’tifhem li Ġeħova qanqal lil Sara biex tagħmel xi ħaġa bħal din? Le. Anzi, dak li qalet juri li kienet persuna normali, tad-​demm u l-​laħam. Hi ħasbet li Alla kien il-​kaġun tal-​problemi tagħha, u ma setgħetx timmaġina li hu kellu xi soluzzjoni oħra. Is-​soluzzjoni taʼ Sara stess kienet se ġġibilha dwejjaq u problemi. Minkejja dan, dak li qalet wera kemm ma kinitx egoista. Min jaf kemm kien jispikka l-​altruiżmu taʼ Sara f’dinja fejn in-​nies spiss ipoġġu l-​interessi personali tagħhom qabel taʼ kulħadd! Jekk aħna lesti li npoġġu l-​iskop t’Alla qabel l-​interessi egoistiċi tagħna, inkunu qed nimitaw il-​fidi taʼ Sara.

“VERU DĦAQT”

Ftit wara, Ħagar ħarġet tqila minn Abraham. Minħabba li Ħagar forsi kienet konvinta li t-​tqala tagħha għamlitha iktar importanti minn Sara, Ħagar bdiet tistmerrha. Min jaf kemm Sara kienet diżappuntata! Għalkemm ma nafux kif, bil-​permess taʼ Abraham u l-​appoġġ t’Alla, Sara umiljat lil Ħagar. Ħagar wildet lil Ismagħel, u mbagħad għaddew is-​snin. (Ġenesi 16:4-​9, 16) Skont ir-​rakkont, Sara kellha 89 sena u żewġha 99 sena meta reġgħu rċivew messaġġ mingħand Ġeħova. X’messaġġ mill-​isbaħ kien dan!

Għal darb’oħra, Ġeħova wiegħed lill-​ħabib tiegħu, Abraham, li Hu kien se jkattar lil nislu. Barra minn hekk, Alla biddel isem ir-​raġel. S’issa, kien jismu Abram. Imma Ġeħova semmieh Abraham, li jfisser “Missier Kotra.” U issa, għall-​ewwel darba, Ġeħova wera x’inhu l-​irwol taʼ Sara. Hu bidlilha isimha minn Saraj, li forsi kien ifisser xi ħaġa simili għal “Ġellieda,” għal Sara, l-​isem li aħna familjari miegħu. Xi jfisser l-​isem Sara? “Prinċipessa”! Ġeħova spjega għala għażel dak l-​isem għal din il-​mara maħbuba: “Inberikha u wkoll nagħtik iben minnha; u nberikha u hi ssir ġnus; slaten taʼ popli joħorġu minnha.”—Ġenesi 17:5, 15, 16.

Il-​patt taʼ Ġeħova li se jkun hemm nisel li kien se jbierek lill-​ġnus kollha kien se jseħħ permezz taʼ bin Sara! L-​isem li Alla kien għażel għal dan it-​tifel kien Iżakk, li jfisser “Daħq.” Meta Abraham semaʼ għall-​ewwel darba dwar l-​iskop taʼ Ġeħova li se jbierek lil Sara b’tifel minn tagħha stess, “inxteħet wiċċu fl-​art u beda jidħaq.” (Ġenesi 17:17) Hu baqaʼ mgħaġġeb u kien ferħan se jtir. (Rumani 4:19, 20) U xi ngħidu għal Sara?

Ftit wara, tlett irġiel, li kienu stranġieri, ġew ħdejn it-​tinda t’Abraham. Kien fl-​eqqel tal-​ġurnata, imma din il-​koppja xwejħa mill-​ewwel għaġġlet biex tilqagħhom. Abraham lil Sara qalilha: “Fittex lesti tliet seat dqiq fin, agħġen l-​għaġina u agħmel il-​ftajjar.” F’dak iż-​żmien, kien jirrikjedi ħafna xogħol biex tintwera l-​ospitalità. Abraham ma ħalliex ix-​xogħol kollu f’idejn martu; hu ħaffef biex joqtol barri żgħir u biex jipprepara iktar ikel u xorb. (Ġenesi 18:1-​8) Dawn l-​“irġiel” kienu l-​anġli taʼ Ġeħova! L-​appostlu Pawlu aktarx kellu dan f’moħħu meta kiteb: “Tinsewx l-​ospitalità, għax permezz tagħha xi wħud, bla ma kienu jafu, laqgħu għandhom lill-​anġli.” (Ebrej 13:2) Tistaʼ timita l-​eżempju li jispikka tal-​ospitalità li ħallew Abraham u Sara?

Sara kienet tieħu pjaċir turi l-ospitalità

Meta wieħed mill-​anġli rripeta l-​wegħda t’Alla lil Abraham dwar li Sara kienet se tiled iben, hi ma kinitx qed tidher mit-​tinda tagħha, imma kienet qed tismaʼ. Il-​ħsieb li twelled fl-​età tagħha tant ħassitu stramb li ma setgħetx iżżomm lura u qabdet tidħaq f’qalbha, u qalet: “Wara li dbilt, u wkoll sidi xjaħ, tassew se jkolli l-​hena?” L-​anġlu kkoreġa lil Sara bil-​mistoqsija, “Hemm xi ħaġa li hi impossibbli għal Ġeħova?” Sara, taʼ bniedma li kienet, beżgħet u ddefendiet ruħha. Fil-​pront wiġbitu: “Ma dħaqtx!” L-​anġlu wiġibha: “Veru dħaqt.”—Ġenesi 18:9-​15.

Id-​daħq taʼ Sara, kien qed juri li kellha nuqqas taʼ fidi? Xejn affattu. Il-​Bibbja tgħid: “Bil-​fidi wkoll Sara rċiviet qawwa biex toħroġ tqila b’nisel, saħansitra meta kienet għaddiet l-​età li jkollha t-​tfal, peress li qisitu leali lil dak li għamel il-​wegħda.” (Ebrej 11:11) Sara kienet tafu lil Ġeħova; kienet taf li setaʼ jwettaq kwalunkwe wegħda li jagħmel. Min minna m’għandux bżonn iktar fidi bħal din? Nagħmlu tajjeb li nsiru nafu aħjar lill-​Alla tal-​Bibbja. Hekk kif nagħmlu dan, se naraw li kien jagħmel sens li Sara kellha dik il-​fidi. Ġeħova verament hu leali u jwettaq kull wegħda li jagħmel—kultant, jagħmel dan b’mod li tant jissorprendina li nispiċċaw nidħqu daqskemm ma nkunux nistgħu nemmnu!

“ISMAʼ MINN KLIEMHA”

Ġeħova bierek lil Sara għall-​fidi prezzjuża tagħha

Taʼ 90 sena, Sara fl-​aħħar qatgħet ix-​xewqa li kienet ilha għomorha kollha tistenna. Hi welldet iben lil maħbub żewġha li issa kellu 100 sena! Abraham semmieh Iżakk, jew “Daħq,” sewwasew bħalma kien qal Alla. Forsi nistgħu nġibu quddiem għajnejna lil Sara għajjiena mejta imma bi tbissima fuq wiċċha hekk kif spjegat: “Alla ġegħelni nidħaq bil-​ferħ: kulmin jismaʼ b’dan jidħaq flimkien miegħi.” (Ġenesi 21:6) Dan ir-​rigal mirakoluż mingħand Ġeħova żgur li ferraħha għall-​kumplament taʼ ħajjitha. Però, dan ġabilha responsabbiltà kbira wkoll.

Meta Iżakk kellu ħames snin, il-​familja ħejjiet festa għax it-​tifel qataʼ l-​ħalib. Imma mhux kollox kien miexi ħarir. Ismagħel, bin Ħagar li kellu 19-​il sena, baqaʼ jwaqqaʼ għaċ-​ċajt liċ-​ċkejken Iżakk. Naqraw li Sara “bdiet tinnota” dan l-​atteġġjament ripetut, u allura bdiet tinkwieta. Ismagħel ma kienx sempliċiment qed jiċċajta ftit miegħu. Iktar tard, l-​appostlu Pawlu kien ispirat biex l-​atteġġjament taʼ Ismagħel isejjaħlu persekuzzjoni. Sara rat li dan kien bullying u li kien taʼ theddida serja għal binha. Sara kienet taf li Iżakk ma kienx sempliċiment binha; hu kien se jkollu rwol importanti fl-​iskop t’Alla. Hi rabbiet il-​kuraġġ, u lil Abraham bla tlaqliq qaltlu biex lil Ħagar u lil Ismagħel jibgħathom lil hemm.—Ġenesi 21:8-​10; Galatin 4:22, 23, 29.

X’għamel Abraham? Naqraw: “Din il-​ħaġa m’għoġbitu xejn lil Abraham rigward ibnu.” Hu kien iħobbu lil Ismagħel, u l-​emozzjonijiet taʼ missier ma ħallewhx jara ċar is-​sitwazzjoni. Madankollu, Ġeħova ra l-​kwistjoni b’mod ċar, u allura interviena. Naqraw: “Imbagħad Alla qal lil Abraham: ‘Tħallihx idejqek dak li qed tgħidlek Sara dwar it-​tifel u dwar l-​ilsira tiegħek. Ismaʼ minn kliemha, għaliex hu permezz taʼ Iżakk li se jiġi dak li jissejjaħ nislek.’” Ġeħova aċċerta lil Abraham li kien se jieħu ħsieb lil Ħagar u t-​tifel. Abraham li kien leali obda.—Ġenesi 21:11-​14.

Sara kienet sieħba taʼ veru li taqbel għal maʼ Abraham. Hi ma kinitx tgħid lil żewġha dak li ried jismaʼ biss. Meta rat problema, waħda li kienet teffettwa lill-​familja u l-​futur tal-​familja, hi tkellmet maʼ żewġha bil-​miftuħ. Il-​fatt li kienet titkellem b’mod dirett m’għandux jinftiehem li ma kinitx turi rispett. Fil-​fatt, l-​appostlu Pietru, li hu nnifsu kien miżżewweġ, iktar tard irrefera għaliha bħala mara taʼ eżempju eċċellenti li wriet rispett kbir għal żewġha. (1 Korintin 9:5; 1 Pietru 3:5, 6) Fir-​realtà, li kieku Sara baqgħet b’ħalqha magħluq dwar din il-​kwistjoni, ma kinitx se tkun qed turi rispett lejn Abraham, għax dan setaʼ sewa ħafna lilu u l-​familja kollha. Bi mħabba, Sara qalet dak li kien hemm bżonn.

Ħafna nisa miżżewġa jgħożżu l-​eżempju taʼ Sara. Permezz tagħha, huma jitgħallmu kif jitkellmu bl-​onestà u r-​rispett maʼ żwieġhom. Kultant, xi nisa jkunu jixtiequ li Ġeħova jintervieni bħalma ġara fil-​każ taʼ Sara. Minkejja dan, huma jitgħallmu mill-​fidi, l-​imħabba, u l-​paċenzja rimarkevoli taʼ Sara.

Ġeħova lil Sara sejħilha “Prinċipessa,” imma hi ma kinitx tippretendi li tiġi trattata bħal xi ħadd irjali

Għalkemm din il-​mara maħbuba kienet imsejħa “Prinċipessa” minn Ġeħova nnifsu, hi ma kinitx tippretendi li tiġi trattata bħal xi ħadd irjali. Mhux taʼ b’xejn li meta mietet taʼ 127 sena, Abraham beda “jnewwaħ għal Sara u jibkiha.” * (Ġenesi 23:1, 2) Hu tgħidx kemm immissjaha lill-​“Prinċipessa” maħbuba tiegħu. Bla dubju, Alla Ġeħova wkoll jimmissjaha lil din il-​mara leali—u hu biħsiebu jerġaʼ jtiha l-​ħajja f’art magħmula ġenna. Sara se jkollha futur dejjiemi u ferrieħi. Dan jgħodd għal dawk kollha li jimitaw il-​fidi tagħha.—Ġwanni 5:28, 29.

^ par. 3 Propjament, il-​koppja kienu magħrufin bl-​isem Abram u Saraj imma Alla aktar tard bidlilhom isimhom. F’dan l-​artiklu se nirreferu għalihom bl-​iktar mod li nafuhom.

^ par. 10 Ġeħova ppermetta li jkun hemm il-​poligamija u l-​konkubinaġġ għal xi żmien, imma iktar tard awtorizza lil Ġesù Kristu biex jerġaʼ jistabbilixxi ż-​żwieġ għal li kien oriġinarjament fl-​Għeden, jiġifieri bejn raġel u mara waħda biss.—Ġenesi 2:24; Mattew 19:3-​9.

^ par. 25 Sara hi l-​unika mara li l-​Kelma ispirata t’Alla tgħidilna kemm kellha żmien meta mietet.