Malti
Titwila lejn il-passat—William Whiston
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102014286/univ/art/102014286_univ_sqr_xl.jpg
g 8/14 pp. 12-13

TITWILA LEJN IL-PASSAT

William Whiston

William Whiston

William Whiston kien xjentist, matematiku, qassis, kittieb taʼ ħafna kotba, u kollega tal-​fiżiku u matematiku Ingliż Sir Isaac Newton. Fis-​sena 1702, Whiston laħaq minflok Newton bħala l-​Lucasian Professor of Mathematics fl-​Università taʼ Cambridge, l-​Ingilterra. Uħud mill-​iktar nies intelliġenti fix-​xjenza u t-​teknoloġija kellhom din il-​pożizzjoni.

WHISTON hu magħruf ukoll, speċjalment minn studenti tal-​Bibbja, għat-​traduzzjoni tiegħu għall-​Ingliż tal-​kitbiet tal-​istorjografu Lhudi tal-​ewwel seklu Ġużeppi Flavju. Il-​ktieb The Works of Josephus jagħti ħafna informazzjoni dwar l-​istorja tal-​Lhud u d-​dinja tal-​Kristjani tal-​bidu.

IT-TWEMMIN TAʼ WHISTON

Whiston uża l-​intellett fin li kellu f’ħafna suġġetti, speċjalment fix-​xjenza u r-​reliġjon. Hu kien jemmen li r-​rakkont Bibliku tal-​ħolqien hu eżatt u li d-​disinn, l-​eleganza, u l-​ordni evidenti fin-​natura jippontaw lejn Arkitett divin.

Iżjed minn hekk, Whiston kien jemmen li l-​knejjes tal-​Kristjaneżmu kienu nqasmu f’ħafna denominazzjonijiet minħabba li l-​kleru kien żvija mill-​Bibbja u pprefera t-​tagħlim mhux Bibliku u t-​tradizzjonijiet tal-​kunsilli tal-​knisja u tal-​hekk imsejħin Missirijiet il-​Knisja.

Peress li Whiston irrikonoxxa l-​Bibbja bħala ktieb taʼ verità spiritwali, m’aċċettax l-​idea taʼ tbatija għal dejjem fin-​nar tal-​infern. Din l-​idea qiesha bla raġuni u kiefra, kif ukoll insult lil Alla. Però, dak li dwaru speċjalment kellu xi jgħid mal-​awtoritajiet tal-​knisja kien il-​fatt li m’aċċettax it-​Trinità, liema duttrina tgħid li f’Alla hemm tliet persuni kougwali u koeterni—il-​Missier, l-​Iben, u l-​Ispirtu s-​Santu. Madankollu, jintqal li mhux tlieta hemm allat, imma wieħed.

“MINN AKKADEMIKU MAGĦRUF ĠIE RAĠEL IMKEĊĊI”

Wara riċerka bir-​reqqa, Whiston ikkonkluda li t-​Trinità ma kinitx mgħallma mill-​Kristjani tal-​bidu imma ġiet adottata iktar tard meta l-​filosofija pagana bdiet dieħla fil-​Kristjanità. a Sħabu wissewh dwar il-​perikli li jippubblika dak li sab, imma Whiston ma setax jinjora dak li emmen li kienet rappreżentazzjoni ħażina tan-​natura vera taʼ Ġesù bħala l-​Iben t’Alla u esseri maħluq.

L-​Università taʼ Cambridge kienet tipprojbixxi lil kull min kien jgħallem ideat kuntrarju għad-​duttrina Anglikana milli jkollu kariga magħha, u dan kien ifisser li Whiston setaʼ jitlef l-​impjieg tiegħu. Madankollu, hu ma baqax sieket—għall-​kuntrarju taʼ Newton, li wkoll qies it-​tagħlim tat-​Trinità bħala falz imma li żamm lura milli jesprimi t-​twemmin tiegħu. Whiston kiteb: “L-​ebda qawwa fid-​dinja . . . mhi se tbeżżagħni.”

Minħabba li Whiston ma riedx jikkomprometti t-​twemmin tiegħu, “minn akkademiku magħruf ġie raġel imkeċċi”

Fl-​1710, Whiston tkeċċa mill-​università. Minħabba li ma riedx jikkomprometti t-​twemmin tiegħu, “minn akkademiku magħruf ġie raġel imkeċċi.” Lanqas wara dan ma ġie mbeżżaʼ. Fil-​fatt, waqt li kienu qed jakkużawh bl-​ereżija, hu kiteb serje taʼ komponimenti msejħin Primitive Christianity Revived (Il-​Kristjanità Primittiva Terġaʼ Tieħu l-​Ħajja)—il-​kelma “primittiva” tfisser il-​Kristjanità oriġinali, dik li pprattikaw is-​segwaċi bikrin taʼ Ġesù. Iktar tard, Whiston waqqaf is-​Society for Promoting Primitive Christianity (Soċjetà Biex Tippromwovi l-​Kristjanità Primittiva), li ltaqgħet fid-​dar tiegħu f’Londra.

Għalkemm tilef il-​kariga fl-​università u għal xi żmien sofra finanzjarjament, Whiston kompla jikteb u jgħallem fi ħwienet tal-​kafè f’Londra. Fl-​1737, biex jgħin lin-​nies jifhmu kif kienet il-​ħajja fil-​bidu tal-​Kristjanità, hu ppubblika t-​traduzzjoni tiegħu tal-​kitbiet taʼ Ġużeppi Flavju. Ma waqfitx tiġi stampata minn dak iż-​żmien ’l hawn.

Minħabba l-​waqfa kuraġġuża imma mhux popolari tiegħu, illum Whiston hu meqjus minn ħafna nies bħala “bniedem stramb,” jgħid l-​awtur James E. Force. Iżda oħrajn jammirawh bħala studjuż tal-​Bibbja, bħala wieħed li bis-​sinċerità fittex għall-​verità reliġjuża, u bħala raġel determinat biex jgħix skont it-​twemmin tiegħu.

a Il-Bibbja titkellem ċar dwar in-natura t’Alla. Għal iktar informazzjoni żur jw.org/mt. Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-BIBBJA > MISTOQSIJIET DWAR IL-BIBBJA MWEĠBIN..