Malti
“Osservaw bir-reqqa l-għasafar”
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102014285/univ/art/102014285_univ_sqr_xl.jpg
g 8/14 pp. 10-11

“Osservaw bir-reqqa l-għasafar”

“Osservaw bir-reqqa l-għasafar”

L-GĦASAFAR jgħixu f’kull parti tad-​dinja, u huma fost l-​iktar ħlejjaq faċli biex tosservahom. Iktar minn hekk, il-​varjetà fl-​għamla, kulur, għana, aġir, u drawwiet tagħhom tistaʼ tagħmel l-​osservazzjoni tal-​għasafar passatemp divertenti u premjanti.

Sultan l-isponsuni

Tistaʼ anke tosserva r-​rutina taʼ kuljum t’għasfur mit-​tieqa tal-​kċina tiegħek: xi malvizz iswed iħaffer għad-​dud, żanżarell jikkaċċja l-​insetti, gamiema tinnamra maʼ seħibha, ħuttafa tibni bla heda l-​bejta tagħha, jew gardell jitmaʼ l-​frieħ imġewħin tiegħu.

Farawna

Xi għasafar jimpressjonawk—bħal xi ajkla, bies, jew seqer—hekk kif jittajru fis-​smewwiet. Oħrajn jistgħu jiġbdulek l-​attenzjoni: għasafar tal-​bejt jiġġieldu għal nitfa ikel, ħamiemu jippoppa sidru biex jimpressjona ħamiema li milli jidher hi indifferenti lejh, jew grupp taʼ pappagalli roża bil-​griż (galahs) jiddendlu rashom ’l isfel iwerżqu fuq wajer tad-​dawl li jitbandal ’l hemm u ’l hawn minħabba li jkunu tilfu l-​bilanċ. U timmeravilja ruħek meta tara xi qatgħa ċikonji, graw, jew wiżż ipassu. Tabilħaqq, pases bħal dawn ġew osservati għal eluf taʼ snin, u ħallew lil dawk li jarawhom imbellhin bl-​abbiltà li għandhom l-​għasafar biex jivvjaġġaw għal distanzi twal bi preċiżjoni kbira. Infatti, il-​Ħallieq innifsu qal: “Iċ-​ċikonja fis-​smewwiet taf meta jkun żmienha; il-​gamiema, ir-​rundun, u l-​bulbul iħarsu ż-​żmien meta għandhom jiġu.”—Ġeremija 8:7.

L-osservazzjoni tal-għasafar fi żminijiet Bibliċi

Il-​Bibbja tagħmel ħafna referenzi għall-​għasafar, spiss biex tgħallem lezzjonijiet taʼ valur. Pereżempju, rigward in-​nagħma u l-​veloċità inkredibbli tagħha, Alla qal lil raġel jismu Ġob: “X’ħin tferfer ġwinħajha fl-​għoli, tidħaq biż-​żiemel u bir-​rikkieb tiegħu.” a (Ġob 39:13, 18) Ukoll, Alla staqsa lil Ġob: “Huwa minħabba l-​abbiltà tiegħek li tifhem li l-​falkun jibqaʼ tielaʼ ’l fuq, . . . jew hu bl-​ordni tiegħek li ajkla ttir ’il fuq?” (Ġob 39:26, 27) It-​tagħlima? L-​għasafar jagħmlu l-​għeġubijiet tagħhom mingħajr l-​għajnuna tagħna. L-​abbiltajiet tagħhom jixhdu l-​għerf t’Alla, mhux tagħna.

Is-​Sultan Salamun kiteb dwar “leħen il-​gamiema,” li jħabbar il-​miġja tar-​rebbiegħa. (L-​Għanja taʼ Salamun 2:12) Salmista semma l-​ħuttafa meta kien qed jikteb dwar ix-​xenqa tiegħu biex jaqdi fit-​tempju t’Alla. Kemxejn għajjur, qal: “Anki l-​għasfur sab dar, u l-​ħuttafa sabet bejta għaliha, fejn poġġiet iż-​żgħar tagħha—l-​artal grandjuż tiegħek, O Ġeħova.”—Salm 84:1-​3.

“Missierkom tas-sema xorta waħda jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar minnhom?”—Mattew 6:26

Uħud mill-​isbaħ referenzi għall-​għasafar għamilhom Ġesù Kristu. Ikkunsidra dan il-​kliem misjub f’​Mattew 6:26: “Osservaw bir-​reqqa l-​għasafar tas-​sema, għax huma la jiżirgħu, la jaħsdu, u lanqas jiġbru fl-​imħażen; imma Missierkom tas-​sema xorta waħda jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar minnhom?” Din it-​tixbiha li tmiss il-​qalb tagħti assiguranza lis-​segwaċi taʼ Ġesù li huma prezzjużi għal Alla u li qatt m’għandhom għalfejn jinkwetaw dwar li jiksbu n-​neċessitajiet tal-​ħajja.—Mattew 6:31-​33.

Illum, l-​osservazzjoni tal-​għasafar hi passatemp popolari—u tistaʼ tifhem il-​għala, għax l-​għasafar jimmeraviljawna bil-​praspar, sbuħija, ritwali tan-​namrar, u l-​għana tagħhom. Iktar minn hekk, jistgħu wkoll jgħallmu lill-​osservatur attent lezzjonijiet taʼ valur dwar il-​ħajja. Int se ‘tosserva bir-​reqqa l-​għasafar’?

a In-nagħma hi l-ikbar għasfur li jeżisti llum, u hi l-iktar wieħed li jiġri. F’distanzi qosra kapaċi tilħaq veloċità taʼ xi 72 kilometru fis-siegħa.