Malti
Ballun tal-Melħ
/assets/ct/b4d7e1101e/images/syn_placeholder_sqr.png
g05 7/8 p. 19

Ballun tal-Melħ

Ballun tal-Melħ

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIZ-​ZAMBJA

X’jiġi f’moħħok meta taħseb dwar il-​melħ? Probabbilment melħ tal-​blat, melħ tal-​baħar, jew melħ tal-​mejda. Imma ġieli smajt bil-​melħ Cibwa, mid-​distrett taʼ Mpika fil-​Provinċja tat-​Tramuntana taz-​Zambja? Il-​melħ Cibwa huwa uniku għax ġej mill-​ħaxix!

Ir-raħħala li jgħixu ħdejn l-​għadira Cibwa jagħmlu proċess uniku biex jiġbru l-​melħ billi jużaw ħaxix twil li jikber viċin ix-​Xmara Lwitikila. Huma jiġbru l-​ħaxix minn Awissu sa Ottubru, qabel ma jibda l-​istaġun tax-​xita. Meta jibda dan l-​istaġun, il-​ħaxix ma jipproduċix melħ.

Wara li jinqataʼ l-​ħaxix u jitnixxef, jinħaraq sabiex jitneħħew il-​komponenti organiċi. Però, il-​melħ ma jinħaraqx imma jibqaʼ fl-​irmied. L-​irmied jintefaʼ f’reċipjent, bħal kalabaxx, jew qargħa mnixxfa li sservi bħala bieqja, u l-​ilma jiffiltra bil-​mod mill-​irmied. L-​ilma jġiegħel il-​melħ jinħall u jgħaddih minn toqob żgħar ħafna li jinsabu f’qiegħ il-​kalabaxx. L-​ilma mielaħ li jinġabar jittieħed għall-​proċess li jmiss​—l-​evaporazzjoni.

L-ilma jevapora billi jqegħduh direttament fuq in-​nar, dan il-​proċess jistaʼ jdum sa sitt sigħat. Sabiex jagħmlu dan, l-​ewwel jitfgħu l-​ilma mielaħ f’reċipjent tal-​fuħħar u jgħalluh fuq in-​nar. Hekk kif l-​ilma jibda jevapora jżidulu l-​ilma mielaħ. Dan jipproduċi likwidu magħqud taʼ melħ imdewweb li eventwalment jimla r-​reċipjent. Il-​melħ issa jieħu l-​forma tar-​reċipjent. Meta jneħħuh minn fuq in-​nar u jkissru r-​reċipjent, joħroġ ballun tal-​melħ.

Ir-raħħala ilhom jagħmlu l-​melħ Cibwa għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Ħadd ma jaf min ħoloq dan il-​proċess. Madankollu, huwa taʼ l-​għaġeb li l-​istess xjenza bażika li tintuża llum fil-​proċess tal-​melħ tinsab f’dan il-​post imwarrab fl-​inħawi rurali taz-​Zambja​—’il bogħod mill-​kumplament tad-​dinja.

[Stampa f’paġna 19]

Kalabaxx jiffiltra l-​ilma

[Stampa f’paġna 19]

Il-​prodott lest

[Stampa f’paġna 19]

Reċipjent tal-​fuħħar