Insett Parassitiku imma Utli
VERU, dan l-insett (ichneumon wasp) għandu dehra stramba, kważi tal-biżaʼ. Iżda għala jissejjaħ parassitiku? Għax ġeneralment inissel billi jqiegħed bajda fuq il-larva jew fil-larva taʼ insett ieħor jew taʼ brimba.
Fl-Amerika taʼ Fuq hemm iktar minn 3,000 speċi taʼ din ix-xorta taʼ insett. Dawn, mill-banda l-oħra, huma parti minn familja kbira taʼ tipi differenti taʼ insetti parassitiċi. Ix-xjenzati jikkalkulaw li madwar id-dinja hemm iktar minn 40,000 speċi li jappartjenu lil din il-familja taʼ insetti.
Dan l-insett ivarja fit-tul minn 0.3 sa 5 ċentimetri. Żaqqu, li hi rqiqa u ġejja għat-tond, hija itwal minn rasu u l-parti tan-nofs taʼ ġismu flimkien. Dawn l-insetti għandhom antenni twal ħafna.
L-iktar karatteristika li tiddistingwihom hija t-tubu qisu labra fit-tarf taʼ żaqqhom. Din l-istruttura, imsejħa ovipożitur u li minnha toħroġ il-bajda, hija taʼ spiss itwal mill-ġisem innifsu. M’hijiex eħxen minn xagħra taʼ żiemel u għandha qishom tliet ħajtiet li jiċċaqalqu ’l quddiem u lura biex jitfgħu l-bajda mit-tubu.
Dan l-insett kif jinduna fejn hemm il-larva taʼ insett ieħor jew taʼ brimba fejn jistaʼ jitfaʼ l-bajda tiegħu? L-insett mara Megarhyssa, mill-ġens taʼ l-ichneumon, ġiet osservata ttektek fuq siġra bl-antenni tagħha biex issib il-vibrazzjonijiet taʼ larva li tkun qed tgħix żewġ ċentimetri jew iktar taħt il-qoxra taz-zokk. Meta tinduna li hemm larva, tibda żżid fit-tektik. Eventwalment, tibda tinfed fil-qoxra bit-tubu, qisha qiegħda tħaffer ġo fiha.
Xi wħud li raw din il-ħaġa ssir innotaw: “Meta l-ponta tal-ovipożitur taʼ l-insett [ichneumon] tmiss il-larva, tinżel bajda waħda mit-tubu, u tiġi mqiegħda ħdejn, jew fuq, il-larva kundannata.” Meta l-bajda tfaqqas, il-larva l-ġdida tiekol mix-xaħmijiet u l-likwidi tal-ġisem tal-larva l-oħra. Imbagħad tagħmel fosdqa tal-ħarir li fiha tiżviluppa f’insett adult. Meta dan jasal f’wiċċ is-siġra, ikun lest biex jagħmel il-ħsara lil ġenerazzjoni ġdida taʼ insetti.
Għalkemm hemm min forsi jiddeskrivi dan il-grupp taʼ insetti bħala parassiti kattivi, l-insetti ichneumon għandhom skop importanti. Il-larva tagħhom tiekol lill-insetti li jagħmlu ħsara lill-prodotti taʼ l-ikel, inkluż tip taʼ insett li jeqred ir-rimjiet taʼ ħxejjex u qmuħ, id-dudu tal-qoton, il-farfett tat-tuffieħ, u l-ħanfus taʼ l-ispraġ, biex insemmu ftit. Għalhekk, milli jidher din ix-xorta taʼ insett tikkontrolla ż-żjieda taʼ insetti li jagħmlu ħsara fl-agrikultura.
Għalkemm l-insetti ichneumon huma numerużi ħafna, il-bnedmin ma tantx jarawhom għax dawn l-insetti ġeneralment jieklu, inisslu, u jbidu f’postijiet fejn ma tantx imorru nies. Għalhekk, dawn l-insetti jservu bħala eżempju ieħor tad-diversità u l-bilanċ taʼ ħlejjaq ħajjin li l-bniedem għadu ma jistax jifhem għal kollox.
[Stampa f’paġna 24]
L-insett “ichneumon” jipprepara biex ibid
[Sors]
Scott Bauer/Agricultural Research Service, USDA

