Malti
Qatt Rajt Xoloitzcuintli?
/assets/ct/fa815d8e9f/images/syn_placeholder_sqr.png
g01 1/8 p. 23

Qatt Rajt Xoloitzcuintli?

Qatt Rajt Xoloitzcuintli?

MINN KITTIEB TAʼ STENBAĦ! FIL-​MESSIKU

L-​EWWEL darba li messejt Xoloitzcuintli aXolo fil-​qasir—bqajt mistagħġeb. Il-​ġilda sewda tiegħu u bla suf tant kienet ratba u taħraq! Dan il-​kelb li rebaħ ħafna wirjiet kien qed jimxi dritt dritt wara sidu, u kellna ċ-​ċans li nammiraw il-​ġisem irqiq li għandu, imżejjen bi troffa bajda fit-​tarf taʼ denbu—kuntrast qawwi meta tqis li l-​kumplament tal-​ġilda hija sewda u bla suf!

Qabel il-​wasla taʼ l-​Ispanjoli, il-​klieb fil-​Mesoamerika kienu stmati ħafna bħala annimal tad-​dar. Xi wħud kienu jindifnu mas-​sidien tagħhom, bħala ‘mseħbin fil-​ħajja taʼ wara.’ Is-​Xolos kienu jgawdu post speċjali fis-​soċjetà. In-​nies kienu jaħsbu li dawn il-​klieb kienu taʼ valur mediċinali. Iva, mid-​dehra nies li kienu jbatu bir-​rewmatiżmu kienu jħossuhom aħjar x’ħin jagħmlu kuntatt fiżiku maʼ dan il-​kelb ċkejken u jaħraq. M’għandniex xi ngħidu, Xolo jistaʼ wkoll iżommlok saqajk sħan matul xi lejl kiesaħ!

Illum il-​ġurnata, ħafna nies iqisu s-​Xolo bħala l-​kelb ideali għal ġod-​dar. Bħal ħafna razez oħra, is-​Xolo jistaʼ jiġi mħarreġ u hemm varjetajiet taʼ diversi daqsijiet, inkluż it-​toy li jkun żgħir ħafna. L-​aqwa ħaġa hi li ladarba dan il-​kelb m’għandux suf, dan ifisser li lanqas ikollu briegħed, u s-​Xolo huwa l-​għażla ideali għal min hu allerġiku għas-​suf tal-​klieb. Huwa faċli ħafna biex tieħu ħsieb is-​Xolo. Biex iżżommlu l-​ġilda ratba, kultant trid tidilku bi ftit krema jew żejt għall-​ġilda. Miguel Ángel Moreno, wieħed li jrabbi dawn il-​klieb, isemmi vantaġġ ieħor li għandu s-​Xolo: “Minuta biss iddum biex taħslu,” hu jgħid, “u biex jinxef idum tnejn.” Xi ngħidu għall-​valur mediċinali li għandu s-​Xolo? Anki llum, xi wħud jgħidu li sabu serħan mill-​uġigħ tar-​rewmatiżmu billi jżommu Xolo mal-​parti tal-​ġisem milquta. Madankollu, Moreno jemmen li s-​Xolo huwa effettiv biss daqs kemm huwa effettiv “hot water bottle.” b

M’ilux wisq is-​Xolo kien meqjus bħala razza li tinsab fil-​periklu li ma tibqax teżisti, imma saru ħafna sforzi biex dan l-​annimal jiġi preservat. Illum, is-​Xolos jistgħu jinstabu mhux biss fil-​Messiku imma wkoll f’pajjiżi oħra, bħall-​Perù u l-​Istati Uniti. Mela tixtieq tara Xoloitzcuintli? Jekk xi darba jirnexxilek, m’int se tinsieh qatt dan il-​kelb uniku.

[Noti taʼ taħt]

a Tingħad sowlowizkwintli.

b It-temperatura tas-​Xolo m’hijiex verament ogħla ħafna minn dik taʼ xi kelb ieħor, imma minħabba l-​fatt li m’għandux suf il-​ġilda tiegħu tinħass iktar taħraq.