Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IL-​5 TAQSIMA

Alla Jbierek lil Abraham u lil Familtu

Alla Jbierek lil Abraham u lil Familtu

Id-​dixxendenti t’Abraham jiffjorixxu. Alla jipproteġi lil Ġużeppi fl-​Eġittu

ĠEĦOVA kien jaf li xi darba l-​iktar Wieħed għażiż għalih kien se jkollu jsofri u jmut. Il-​profezija mniżżla f’​Ġenesi 3:15 semmiet din il-​verità b’mod indirett. Setaʼ Alla jfiehem lill-​bnedmin kemm kienet se tiswielu l-​mewt taʼ Ibnu? Il-​Bibbja tipprovdi tixbiha ħajja. Alla talab lil Abraham biex jissagrifika lill-​għażiż ibnu Iżakk.

Abraham kellu fidi kbira. Tinsiex, Alla kien wiegħdu li l-​Ħellies, jew Nisel, imbassar kellu jkun dixxendent taʼ Iżakk. Abraham b’ubbidjenza kien se jissagrifika lil ibnu stess, għax kellu fiduċja li Alla kien se jirxoxta lil Iżakk jekk ikun hemm bżonn. Imma anġlu minn Alla waqqaf lil Abraham fil-​ħin u fil-​waqt. Alla faħħar lil Abraham talli kien lest li joffri l-​iktar ħaġa prezzjuża għalih, u rripeta l-​wegħdi Tiegħu lil dan il-​bniedem taʼ fedeltà.

Iktar tard, Iżakk kellu żewġ subien, Għesaw u Ġakobb. Ġakobb, kuntrarju għal Għesaw, kien japprezza l-​affarijiet spiritwali u ġie premjat. Alla biddel isem Ġakobb f’Israel, u t-​12-​il tifel taʼ Israel saru l-​kapijiet tat-​tribujiet tal-​ġens taʼ Israel. Imma din il-​familja kif saret ġens kbir?

Ngħata bidu għal serje taʼ ġrajjiet meta l-​biċċa l-​kbira minn dawn l-​ulied bdew jgħiru għal ħuhom Ġużeppi li kien iżgħar minnhom. Bigħuh bħala lsir, u ttieħed l-​Eġittu. Imma Alla bierek lil dan iż-​żagħżugħ leali u qalbieni. Minkejja t-​tbatijiet kbar li għadda minnhom, Ġużeppi eventwalment intgħażel mill-​Fargħun, il-​ħakkiem Eġizzjan, u ngħata awtorità kbira. Dan kien f’waqtu, għax qam il-​ġuħ u Ġakobb bagħat lil xi wħud minn uliedu l-​Eġittu biex jixtru l-​ikel—u Ġużeppi issa kien inkarigat fuq l-​ikel kollu! Wara li reġaʼ ngħaqad b’mod drammatiku maʼ ħutu li kienu nedmin, Ġużeppi ħafrilhom u għamel arranġamenti biex il-​familja kollha tmur tgħix l-​Eġittu. Huma ngħataw art mill-​aqwa, fejn setgħu jkomplu joktru u jistagħnew. Ġużeppi fehem li kien Alla li mexxa l-​affarijiet b’dan il-​mod sabiex iwettaq il-​wegħdi Tiegħu.

Ix-​xwejjaħ Ġakobb għex il-​bqija taʼ ħajtu fl-​Eġittu, imdawwar bil-​familja tiegħu li kompliet tiffjorixxi. Meta kien qed imut, hu bassar li n-​Nisel, jew Ħellies, imwiegħed kien se jkun Ħakkiem setgħan li kien se jitwieled fil-​linja tal-​familja taʼ ibnu Ġuda. Qabel mewtu stess xi snin wara, Ġużeppi pprofetizza li xi darba Alla kien se joħroġ lill-​familja taʼ Ġakobb mill-​Eġittu.

—Ibbażat fuq Ġenesi kapitli 20 sa 50; Ebrej 11:17-​22.