Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Se Jgħinek Tieqaf Tpejjep?

X’Se Jgħinek Tieqaf Tpejjep?

X’Se Jgħinek Tieqaf Tpejjep?

“L-​iżjed ħaġa importanti għal dawk li rnexxielhom jaqtgħu s-​sigaretti hi li vera kienu lesti li jaqtgħuhom.”​—Il-​ktieb “Stop Smoking Now!”

FI KLIEM ieħor, jekk veru trid tieqaf tpejjep, irid ikollok raġuni tajba. Ejja naraw x’raġunijiet tajbin jistaʼ jkollok.

Se tiffranka l-​flus. Pakkett sigaretti kuljum jiswielek eluf taʼ ewro kull sena. “Qatt ma rrealizzajt kemm kont nonfoq flus fit-​tabakk.”​—Gyanu, in-​Nepal.

Il-​ħajja tiegħek se tkun ħafna aħjar. “Meta waqaft inpejjep, ħajti bdiet tmur għall-​aħjar.” (Regina, l-​Afrika t’Isfel) Meta n-​nies jieqfu jpejpu, jibdew ixommu u jtiegħmu ħafna aħjar. Normalment ikollhom iktar enerġija u jidhru li jkollhom saħħa aħjar.

Saħħtek se tmur għall-​aħjar. “Irġiel u nisa taʼ kull età li jieqfu jpejpu jaraw benefiċċji kbar u mill-​ewwel.”​—Iċ-​Ċentri fl-​Istati Uniti għall-​Kontroll u l-​Prevenzjoni tal-​Mard.

Se tħossok li għandek iktar kontroll taʼ ħajtek. “Waqaft inpejjep għax ma ridtx nibqaʼ niġi kkontrollat mit-​tabakk. Ridt li jkolli kontroll u ma nċedix għax-​xewqat tiegħi.”​—Henning, id-​Danimarka.

Se jkun aħjar għall-​familja u l-​ħbieb. “It-​tipjip . . . jagħmel ħsara lil dawk taʼ madwarek. . . . Studji juru li eluf taʼ nies imutu kull sena mill-​kanċer tal-​pulmun u problemi tal-​qalb għax jibilgħu d-​duħħan tan-​nies li jpejpu ħdejhom.”​—Soċjetà Amerikana tal-​Kanċer.

Se togħġob lill-​Ħallieq tiegħek. ’Maħbubin, ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-​laħam.’ (2 Korintin 7:1) ‘Ippreżentaw ġisimkom qaddis, aċċettabbli għal Alla.’​—Rumani 12:​1.

“Malli fhimt li Alla jdejquh affarijiet li jħammġu lil ġismi, iddeċidejt li nieqaf inpejjep.”​—Sylvia, Spanja.

Li jkollok raġuni tajba għala tkun tixtieq tieqaf tpejjep mhuwiex biżżejjed. Ikollna bżonn ukoll l-​għajnuna t’oħrajn, bħall-​familja u l-​ħbieb. Kif jistgħu jgħinuna?