Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 35

Ġeħova Jagħti l-Liġijiet Tiegħu

Ġeħova Jagħti l-Liġijiet Tiegħu

XI XAHREJN wara li jitilqu mill-​Eġittu, l-​Iżraelin jiġu ħdejn il-​Muntanja Sinaj, li tissejjaħ ukoll Ħoreb. Dan hu l-​istess post fejn Ġeħova kellem lil Mosè mill-​għollieqa taqbad. In-​nies jifirxu t-​tined hawnhekk, u jibqgħu hawn għal xi żmien.

Hekk kif in-​nies jistennew taħt il-​muntanja, Mosè jitlaʼ fuqha. Hemm fuq, Ġeħova jgħid lil Mosè li Hu jrid li l-​Iżraelin jobdu Lilu u jsiru l-​poplu speċjali Tiegħu. Meta Mosè jinżel, hu jgħid lill-​Iżraelin x’kien qallu Ġeħova. U n-​nies jgħidu li se jobdu lil Ġeħova għax iridu jkunu l-​poplu tiegħu.

Ġeħova issa jagħmel xi ħaġa stramba. Hu jġiegħel li joħroġ id-​duħħan minn fuq il-​muntanja, u jġiegħel li jkun hemm ragħad qawwi. Ukoll, hu jkellem lin-​nies: ‘Jien Ġeħova Alla tagħkom li ħriġtkom mill-​Eġittu.’ Imbagħad hu jikkmanda: ‘M’għandkomx tqimu allat oħrajn ħlief lili.’

Alla jagħti lill-​Iżraelin disaʼ kmandamenti, jew liġijiet, oħrajn. In-​nies jibżgħu ħafna. Huma jgħidu lil Mosè: ‘Kellimna int, għaliex qed nibżgħu li jekk ikellimna Alla mmutu.’

Iktar tard, Ġeħova jgħid lil Mosè: ‘Itlaʼ ħdejja fuq il-​muntanja. Se nagħtik żewġ ġebliet ċatti li fuqhom ktibt il-​liġijiet li rrid lin-​nies iżommu magħhom.’ Għalhekk, Mosè jerġaʼ jitlaʼ fuq il-​muntanja. Hu jibqaʼ hemm fuq għal 40 jum u lejl.

Alla għandu ħafna u ħafna liġijiet għall-​poplu tiegħu. Mosè jniżżilhom bil-​miktub. Ukoll, Alla jagħti lil Mosè ż-​żewġ ġebliet ċatti. Fuqhom, Alla nnifsu kiteb l-​10 liġijiet li qal lin-​nies kollha. Jissejħu l-​Għaxar Kmandamenti.

L-​Għaxar Kmandamenti huma liġijiet importanti. Imma anki l-​ħafna liġijiet oħrajn li Alla jagħti lill-​Iżraelin huma importanti. Waħda minn dawn il-​liġijiet tgħid: ‘Għandek tħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, b’ruħek kollha, u b’saħħtek kollha.’ Liġi oħra hi: ‘Trid tħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ L-​Iben t’Alla, Ġesù Kristu, qal li dawn huma l-​akbar żewġ liġijiet li Ġeħova ta lill-​poplu tiegħu Iżrael. Iktar tard se nitgħallmu ħafna affarijiet dwar l-​Iben t’Alla u t-​tagħlim tiegħu.