L-​Iktar Ktieb li Ġie Mqassam fid-​Dinja

L-​Iktar Ktieb li Ġie Mqassam fid-​Dinja

L-​Iktar Ktieb li Ġie Mqassam fid-​Dinja

“Il-​Bibbja hija l-​iktar ktieb li nqara fl-​istorja. . . . Iktar ġew imqassmin kopji tal-​Bibbja milli taʼ kwalunkwe ktieb ieħor. Il-​Bibbja ġiet tradotta wkoll iktar drabi, u f’iktar lingwi, minn kwalunkwe ktieb ieħor.”​—“The World Book Encyclopedia.”1

F’XI ASPETTI, il-​biċċa l-​kbira tal-​kotba huma bħan-​nies. Dawn ifeġġu fuq ix-​xena, għandhom mnejn jikbru fil-​popolarità, u​—ħlief għal xi erbaʼ kotba klassiċi—​isiru antikwati u jmutu. Il-​libreriji taʼ spiss iservu taʼ ċimiterji għal numru bla għadd taʼ kotba li jkun għadda żmienhom, m’għadhomx jinqraw u, fil-​fatt, huma mejtin.

Il-Bibbja, madankollu, hija eċċezzjonali saħansitra fost xogħlijiet klassiċi. Għalkemm l-​oriġini tal-​kitbiet tagħha tmur lura 3,500 sena, din għadha mimlija ħajja. Hija bil-​wisq il-​ktieb li ġie ċċirkolat l-​iktar fid-​dinja. a Kull sena, jiġu mqassmin madwar 60 miljun kopja tal-​Bibbja sħiħa jew partijiet minnha. L-​ewwel edizzjoni stampata b’tipi taċ-​ċomb ħarġet mill-​istamperija taʼ l-​inventur Ġermaniż Johannes Gutenberg madwar is-​sena 1455. Minn dak in-​nhar ’l hawn, huwa stmat li erbaʼ biljun Bibbja (sħiħa jew partijiet minnha) ġew stampati. Ebda ktieb ieħor, reliġjuż jew mhux, ma jersaq qrib din il-​figura.

Il-Bibbja hija wkoll l-​iktar ktieb fl-​istorja li ġie tradott. Il-​Bibbja sħiħa jew partijiet minnha ġew tradotti f’iktar minn 2,100 lingwa u djalett. b ’Il fuq minn 90 fil-​mija tal-​familja umana għandhom aċċess għal minn taʼ l-​inqas parti mill-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom stess.2 Dan il-​ktieb b’hekk qasam fruntieri nazzjonali u għeleb ostakli razzjali u etniċi.

L-istatistiċi waħedhom jistgħu ma jipprovdulekx raġuni biżżejjed biex teżamina l-​Bibbja. Minkejja dan, il-​figuri dwar iċ-​ċirkolazzjoni u t-​traduzzjoni huma impressjonanti, billi jixhdu għall-​attrazzjoni universali tal-​Bibbja. Ċertament li l-​iktar ktieb mibjugħ u tradott fl-​istorja kollha tal-​bniedem jistħoqqlu l-​konsiderazzjoni tiegħek.

[Noti taʼ taħt]

a Hu maħsub li t-​tieni l-​iktar pubblikazzjoni li ġiet imqassma hija l-​ktejjeb b’qoxra ħamra Quotations From the Works of Mao Tse-tung, li minnu huwa stmat li nbigħu jew tqassmu 800 miljun kopja.

b Statistiċi rigward in-​numru taʼ lingwi huma bbażati fuq figuri ppubblikati mill-​United Bible Societies.

[Stampa f’paġna 6]

Bibbja taʼ Gutenberg, bil-​Latin, l-​ewwel ktieb komplet stampat b’tipi taċ-​ċomb