Efesin 5:1-33
5 Għalhekk, imitaw lil Alla,+ bħala wlied maħbubin,
2 u ibqgħu mexjin bl-imħabba,+ bħalma l-Kristu wkoll ħabbkom+ u ta lilu nnifsu għalikom bħala offerta+ u sagrifiċċju b’riħa tfuħ lil Alla.+
3 Lanqas biss għandhom jissemmew fostkom+ iż-żína+ u n-nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-regħba,+ bħalma jixraq lill-qaddisin;+
4 lanqas imġiba taʼ mistħija,+ kliem iblah jew ċajt oxxen,+ affarijiet li m’humiex xierqa, imma minflok roddu ħajr.+
5 Għax intom tafuh dan u tirrealizzaw intom stess li ebda żieni+ jew bniedem mhux nadif jew rgħib+—li jfisser li jkun idolatra—m’għandu wirt fis-saltna tal-Kristu u t’Alla.+
6 Tħallu lil ħadd iqarraq bikom bi kliem vojt,+ għax minħabba dawn l-affarijiet ġejja l-korla t’Alla fuq ulied id-diżubbidjenza.+
7 Għalhekk, tissiħbux magħhom;+
8 għax darba kontu dlam,+ imma issa sirtu dawl+ għax intom tal-Mulej. Ibqgħu mexjin bħala wlied id-dawl,
9 għax il-frott tad-dawl jikkonsisti minn kull xorta taʼ tjubija u ġustizzja u verità.+
10 Ibqgħu aċċertaw ruħkom dwar x’inhu aċċettabbli+ għall-Mulej;
11 u tibqgħux tieħdu sehem+ magħhom fl-għemejjel bla frott li huma tad-dlam,+ imma, minflok, esprimu d-diżapprovazzjoni tagħkom+ lejhom,
12 għax dak li jagħmlu fil-moħbi hu tal-mistħija anki biex tirrakkontah.+
13 Issa dak kollu li qed jinkixef+ qed jidher ċar bid-dawl, għax kulma qed jidher ċar+ hu dawl.
14 Għaldaqstant jgħid: “Stenbaħ,+ int li rieqed, u qum mill-imwiet,+ u l-Kristu jiddi+ fuqek.”
15 Għalhekk, oqogħdu attenti bis-sħiħ li ma timxux+ bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief,
16 u użaw il-ħin bl-aħjar mod,*+ għax il-jiem huma ħżiena.+
17 Minħabba dan tibqgħux tkunu bla raġuni, imma ibqgħu ifhmu+ x’inhi r-rieda+ taʼ Ġeħova.
18 Ukoll, tiskrux+ bl-inbid, li fih hemm il-ħajja bla rażan,+ imma ibqgħu mtlew bl-ispirtu,+
19 waqt li titkellmu bejnietkom b’salmi+ u tifħir+ lil Alla u għanjiet spiritwali, u tkantaw+ u takkumpanjaw lilkom infuskom bil-mużika+ fi qlubkom lil Ġeħova,
20 u f’isem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu troddu dejjem ħajr+ taʼ kollox lil Alla tagħna u Missierna.
21 Kunu sottomessi lejn xulxin+ fil-biżaʼ taʼ Kristu.
22 In-nisa ħa jkunu sottomessi+ lejn żwieġhom bħallikieku lejn il-Mulej,
23 għax ir-raġel hu l-kap taʼ martu+ bħalma l-Kristu wkoll hu l-kap tal-kongregazzjoni,+ billi hu s-salvatur taʼ dan il-ġisem.
24 Fil-fatt, bħalma l-kongregazzjoni hi sottomessa lejn il-Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom ikunu sottomessi lejn żwieġhom f’kollox.+
25 Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom,+ bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha,+
26 biex iqaddisha,+ u jaħsilha bil-banju taʼ l-ilma permezz tal-kelma,+
27 sabiex il-kongregazzjoni jagħmilha tidher quddiemu fil-ġmiel kollu tagħha,+ bla ebda tebgħa jew tikmix jew ħaġa oħra bħal dawn, imma sabiex tkun qaddisa u bla difett.+
28 L-irġiel b’dan il-mod għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess. Min iħobb lil martu jħobb lilu nnifsu,
29 għax ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu,+ bħalma l-Kristu jagħmel ukoll lill-kongregazzjoni,
30 għax aħna membri taʼ ġismu.+
31 “Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed.”+
32 Dan is-sigriet sagru+ hu kbir. Issa jien qed nitkellem dwar Kristu u l-kongregazzjoni.+
33 Minkejja dan, bl-istess mod, kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu+ bħalu nnifsu; mill-banda l-oħra, il-mara għandu jkollha rispett profond+ lejn żewġha.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment, “ixtru l-ħin stabbilit.”

