Dewteronomju 2:1-37
2 “Imbagħad dorna u tlaqna lejn ix-xagħri mit-triq li tagħti għall-Baħar l-Aħmar, sewwasew bħalma kien qalli Ġeħova;+ u ħadna ħafna jiem biex induru madwar il-Muntanja Segħir.
2 Fl-aħħar, Ġeħova qalli dan,
3 ‘Ilkom biżżejjed idduru madwar din il-muntanja.+ Biddlu d-direzzjoni lejn it-tramuntana.
4 U ordna lin-nies u għidilhom: “Se tgħaddu minn ħdejn il-fruntiera taʼ ħutkom,+ ulied Għesaw,+ li qed jgħammru fis-Segħir;+ u huma se jibżgħu minnkom,+ u intom tridu toqogħdu attenti ferm.
5 Tiġġildux kontrihom, għax ma se nagħtikom xejn minn arthom, lanqas daqs il-wisaʼ taʼ qiegħ taʼ sieq; għaliex il-Muntanja Segħir tajtha lil Għesaw biex tkun il-proprjetà tiegħu.+
6 Kulu l-ikel li tixtru mingħandhom bil-flus; u ixorbu l-ilma li tixtru mingħandhom bil-flus.+
7 Għax Ġeħova Alla tiegħek bierkek f’kull għemil taʼ idek.+ Hu jaf tajjeb bil-mixi tiegħek f’dan ix-xagħri kbir. Matul dawn l-erbgħin+ sena Ġeħova Alla tiegħek kien miegħek. Lanqas ħaġa waħda ma naqsitek.”’+
8 Għalhekk, għaddejna lil hinn minn ħutna, ulied Għesaw,+ li qed jgħammru fis-Segħir, mit-triq taʼ l-Għaraba,+ minn Elat u minn Għesjon-geber.+
“Imbagħad dorna u għaddejna mit-triq tax-xagħri taʼ Mowab.+
9 U Ġeħova qalli, ‘Tinbixx lil Mowab jew tiggwerra kontrihom, għaliex ma se nagħtik xejn minn artu biex tkun il-proprjetà tiegħek, għax Ar+ tajtha lil ulied Lot+ biex tkun il-proprjetà tagħhom.
10 (L-Emin+ kienu jgħammru fiha qabel, poplu kbir u numeruż ħafna u taʼ nies twal bħall-Għanakin.+
11 U r-Refajin+ ukoll kienu meqjusin bħall-Għanakin,+ u l-Mowabin kienu jsejħulhom Emin.
12 U qabel, il-Ħorin+ kienu jgħammru fis-Segħir, u wlied Għesaw+ ħadulhom il-proprjetà tagħhom u qerduhom għalkollox minn quddiemhom u għammru minflokhom,+ sewwasew bħalma jrid jagħmel Israel lill-art li tkun il-proprjetà tiegħu u li Ġeħova żgur li se jagħtiha lilhom.)
13 Issa qumu u aqsmu l-wied* taʼ Żered.’ Għaldaqstant qsamna l-wied taʼ Żered.+
14 U ż-żmien li ħadna biex imxejna minn Kades-barnegħa sakemm qsamna l-wied taʼ Żered kien tmienja u tletin sena, sakemm il-ġenerazzjoni kollha tal-gwerriera kienet intemmet minn nofs il-kamp, sewwasew bħalma kien ħalfilhom Ġeħova.+
15 U id+ Ġeħova kienet fuqhom biex iddejjaqhom, u b’hekk tneħħihom minn nofs il-kamp, sakemm intemmew.+
16 “U ġara li, malli l-irġiel kollha tal-gwerra kienu mietu minn nofs il-poplu,+
17 Ġeħova kompla jkellimni u jgħidli,
18 ‘Illum se tgħaddi mit-territorju taʼ Mowab, jiġifieri, qrib Ar,+
19 u tmur quddiem ulied Għammon. Tinbixhomx u tiġġilidx kontrihom, għax ma se nagħtik xejn mill-art taʼ wlied Għammon biex tkun il-proprjetà tiegħek, għax tajtha lil ulied Lot biex tkun il-proprjetà tagħhom.+
20 Din kienet titqies ukoll bħala art ir-Refajin.+ (Ir-Refajin kienu jgħammru fiha qabel, u l-Għammonin kienu jsejħulhom Żamżummin.
21 Dawn kienu poplu kbir u numeruż ħafna u nies twal bħall-Għanakin;+ u Ġeħova qeridhom+ għalkollox minn quddiemhom, sabiex jiħdulhom il-proprjetà tagħhom u jgħammru minflokhom;
22 preċiż bħalma għamel għal ulied Għesaw, li qed jgħammru fis-Segħir,+ meta qered għalkollox lill-Ħorin+ minn quddiemhom, sabiex jiħdulhom il-proprjetà tagħhom u jgħammru minflokhom kif għadhom jagħmlu sa dan il-jum.
23 U lill-Għawwin,+ li kienu jgħammru fl-irħula sa Gaża,+ il-Kaftorin,+ li ħarġu minn Kaftor,+ qerduhom għalkollox, sabiex jgħammru minflokhom.)
24 “‘Qumu, itilqu u aqsmu l-wied taʼ l-Arnon.+ Ara! Tajtek f’idek lil Siħon,+ is-sultan taʼ Ħesbon, l-Amurri. Għalhekk, ibda ħu f’idejk artu, u ggwerra kontrih.
25 Illum nibda npoġġi t-tkexkix u l-biżaʼ minnek quddiem il-popli taʼ taħt is-smewwiet kollha, li se jisimgħu b’aħbarek; u tabilħaqq li se jinkwetaw u jkollhom uġigħ bħal dak tal-ħlas minħabba fik.’+
26 “Imbagħad bgħatt xi messaġġiera mix-xagħri taʼ Kedemot+ għand Siħon,+ is-sultan taʼ Ħesbon, bi kliem taʼ sliem,+ u għedtlu,
27 ‘Ħallini ngħaddi minn ġo artek. Fit-triq biss se nimxi. Ma ndurx lejn il-lemin jew lejn ix-xellug.+
28 L-ikel li tbegħli bil-flus, niekol; u l-ilma li tagħtini bil-flus, nixrob. Biss ħallini ngħaddi bil-mixi,+
29 bħalma għamluli wlied Għesaw, li qed jgħammru fis-Segħir,+ u l-Mowabin,+ li qed jgħammru f’Ar, sakemm naqsam il-Ġordan u nidħol fl-art li qed jagħtina Ġeħova Alla tagħna.’+
30 U Siħon, is-sultan taʼ Ħesbon, ma ħalliniex ngħaddu minn artu, għax Ġeħova Alla tiegħek kien ħallieh isir stinat fl-ispirtu tiegħu+ u jwebbes qalbu, sabiex jagħtih f’idejk bħalma hu llum.+
31 “U Ġeħova qalli, ‘Ara! Bdejt nerħi f’idejk lil Siħon u lil artu. Ibda ħu artu f’idejk.’+
32 Meta ħareġ Siħon, hu u l-poplu kollu tiegħu, biex jitqabad magħna f’Ġaħas,+
33 Ġeħova Alla tagħna rħihulna f’idejna,+ u b’hekk għelibna lilu+ u lil uliedu u lill-poplu kollu tiegħu.
34 U dik il-ħabta ħadna taħt idejna l-bliet kollha tiegħu u qridna* lil kull belt,+ irġiel u nisa u tfal ċkejknin. Ma ħallejna lil ħadd ħaj.
35 Kienu biss l-annimali domestiċi li ħadna għalina, flimkien mal-priża tal-bliet li konna ħadna taħt idejna.+
36 Minn Għarogħer,+ li qiegħda biswit ix-xatt tal-wied taʼ l-Arnon, u l-belt li qiegħda fil-wied, sa Gilegħad, ma kien hemm ebda belt bi swar għoljin wisq għalina.+ Ġeħova Alla tagħna rħiehom kollha f’idejna.
37 Biss int la mort ħdejn l-art taʼ wlied Għammon,+ ix-xatt kollu tal-wied tal-Ġabbok,+ la ħdejn il-bliet tar-reġjun muntanjuż, u lanqas ħdejn xi ħaġa li dwarha Ġeħova Alla tagħna kien ikkmanda.

