Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?

Nipproduċu l-Iktar Ktieb Importanti li Jeżisti

Nipproduċu l-Iktar Ktieb Importanti li Jeżisti

1 TAʼ JANNAR 2021

 ”Kont ilni 19-​il sena sħaħ nistennieha!” X’kien qed jistenna seħibna fit-​twemmin? Kien qed jistenna t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana bil-​Bengali, il-​lingwa tiegħu stess. Ħafna nies jirreaġixxu b’mod simili meta toħroġ it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bil-​lingwa tagħhom. Imma qatt ħsibt dwar x’inhu involut biex tittraduċi u tistampa dawn il-​Bibbji?

 L-​ewwel, tim tat-​traduzzjoni jiġi inkarigat taħt id-​direzzjoni tal-​Kumitat tal-​kitba tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Kemm jieħu żmien biex tim tat-​traduzzjoni jittraduċi l-​Bibbja? Nicholas Ahladis, li jaħdem mas-​Servizzi tat-​Traduzzjoni taʼ Warwick, fi New York, jispjega: “Dan jiddependi minn ħafna fatturi bħal, kemm hemm tradutturi disponibbli biex jaħdmu fuq il-​proġett, kemm hi kkomplikata l-​lingwa, u kemm il-​qarrejja jifhmu kif kienet il-​ħajja fiż-​żminijiet tal-​Bibbja, kif ukoll jekk il-​lingwa tvarjax minn reġjun għal ieħor. Normalment jieħu minn sena sa tliet snin biex tiġi tradotta l-​Iskrittura Griega Kristjana waħedha u erbaʼ snin jew aktar biex tiġi tradotta l-​Bibbja kollha. U biex tiġi tradotta bil-​lingwi tas-​sinjali dan jieħu saħansitra iktar żmien.”

 Imma x-​xogħol tat-​tim tat-​traduzzjoni waħdu mhuwiex biżżejjed biex tiġi tradotta l-​Bibbja. Grupp taʼ aħwa minn sfondi differenti, u xi kultant minn pajjiżi differenti, jirrivedu t-​traduzzjoni li tkun saret, u dan jagħmluh b’mod volontarju. Il-​kummenti tagħhom jgħinu lit-​tradutturi joħorġu Bibbja eżatta, ċara, u li tmiss il-​qalb. Wara kollox, kif ipoġġiha traduttur tal-​Bibbja fl-​Afrika t’Isfel, “it-​tradutturi jħossu li għandhom responsabbiltà kbira lejn Ġeħova u lejn il-​qarrejja.”

 Wara li titlesta t-​traduzzjoni, il-​Bibbji jiġu stampati u illegati, miġbura fi ktieb. Matul dan il-​proċess, l-​istamperiji jużaw minn tal-​inqas għaxar materjali differenti bħal karta, linka, materjal għal qoxra, kolla, inforra għal qoxra, materjal biex isaħħaħ id-​dahar tal-​ktieb, żigarelli, u materjal ieħor. Flʼ2019, intefqu iktar minn 20 miljun dollaru Amerikan (madwar 166 miljun ewro) fuq dawn il-​materjali biss. Il-​ħaddiema fl-​istamperija ħadmu iktar minn 300,000 siegħa matul dik is-​sena sabiex jipproduċu u jqassmu l-​Bibbji.

“Il-​Bibbja hija l-​iktar pubblikazzjoni importanti li nipproduċu”

 Għaliex jiġu ddedikati daqshekk ħin u flus għal dan ix-​xogħol? “Il-​Bibbja hija l-​iktar pubblikazzjoni importanti li nipproduċu,” jgħid Joel Blue mid-​Dipartiment Internazzjonali tal-​Istampar. “Għalhekk irridu li d-​dehra tagħha tigglorifika lill-​Alla li nqimu u l-​messaġġ li nippritkaw.”

 Barra minn hekk, nipproduċu wkoll edizzjonijiet tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida għal dawk bi bżonnijiet speċjali. Pereżempju, it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bil-​Braille hija disponibbli f’għaxar lingwi. Biex titlesta Bibbja waħda bil-​Braille jieħu madwar tmien sigħat, u l-​volumi kollha tagħha jeħtieġu minn tal-​inqas 2.3 metri taʼ spazju fuq l-​ixkaffa. Nipproduċu wkoll edizzjoni speċjali għal priġunieri fil-​ħabs peress li hemmhekk huma permessi jidħlu biss kotba bil-​qoxra tal-​karta.

 It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taffettwa l-​ħajja tal-​qarrejja. Ikkunsidra l-​kongregazzjoni li jitkellmu bil-​Kiluba, f’post jismu Tombe, li jinsab fir-​Repubblika Demokratika tal-​Kongo. Tombe tinsab iktar minn 1,700 kilometru ’l bogħod mill-​belt kapitali tal-​Kongo. Ix-​Xhieda kellhom Bibbja waħda biss disponibbli, u kienet miktuba bil-​lingwa Kiluba antika. Din l-​unika Bibbja kienet tgħaddi minn ħu għal ieħor biex ikunu jistgħu jippreparaw it-​taħditiet għall-​laqgħat. Iżda minn Awwissu tal-​2018, saru disponibbli kopji kompluti tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bil-​lingwa moderna Kiluba għal kull persuna fil-​kongregazzjoni.

 Oħt li titkellem bil-​Ġermaniż qalet hekk dwar ir-​reviżjoni tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida: ”M’għadnix ngħid, hemm bżonn naqra l-​Bibbja. Minflok issa jkolli sebaʼ mitt sena biex naqra l-​Bibbja.” Priġunier kiteb: ”Ingħatajt kopja tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida, u din qiegħda tbiddilli ħajti. Qatt ma fhimt dak li kont naqra mill-​Kelma t’Alla daqskemm qed nifhem issa meta naqra minn din it-​traduzzjoni. Nixtieq insir naf iktar dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova u kif nistaʼ nsir wieħed minnhom.”

 Il-​qarrejja kollha tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida huma grati għad-​donazzjonijiet li ġew provduti biex din il-​Bibbja tkun disponibbli. Dawn id-​donazzjonijiet għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja ngħataw permezz taʼ metodi li nsibuhom fʼdonate.jw.org. Grazzi għall-​ġenerożità tagħkom.