ĦARSA LEJN ID-​DINJA

Kelmtejn dwar is-​saħħa

Kelmtejn dwar is-​saħħa

Minkejja l-​avvanzi fil-​mediċina, il-​mard ikompli jifni lill-​umanità. Però, bħalma turi l-​evidenza, ħafna problemi tas-​saħħa tistaʼ tilqgħalhom.

Id-​Dinja

L-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa tbassar li sal-​2035, kull sena 24 miljun ruħ se jkun instabilhom il-​kanċer. Din hi żieda taʼ xi 70 fil-​mija iżjed min-​numru li nstabilhom il-​kanċer bħalissa, li hu maħsub li hu ’l fuq minn 14-​il miljun. Hu stmat li nofs dawn il-​każijiet se jiġu minħabba fatturi tal-​istil taʼ ħajja, bħall-​abbuż tal-​alkoħol, l-​inattività, il-​piż żejjed, it-​tipjip, u li wieħed ikun espost għar-​radjazzjoni.

Il-​Britannja

Wara preżentazzjoni b’evidenza, il-​gvern tal-​Britannja beda inkjesta dwar il-​possibbiltà li l-​forma tal-​mard tal-​baqar (BSE) fil-​bniedem tistax tinxtered bi proċeduri bħalma huma t-​trasfużjonijiet tad-​demm. “Konna konċernati ħafna meta smajna bl-​evidenza li din il-​marda li ma titfejjaqx għadha taʼ riskju sinifikanti għas-​saħħa pubblika,” qal Andrew Miller, membru parlamentari. “Intqalilna li [l-​infezzjoni tistaʼ tinxtered] permezz taʼ kontaminazzjoni mifruxa tal-​provvista tad-​demm u tal-​organi,” żied hu.

In-​Norveġja

Id-​dipressjoni tistaʼ żżid ir-​riskju taʼ attakk tal-​qalb sa 40 fil-​mija, jgħid studju taʼ 11-​il sena li sar fuq kważi 63,000 Norveġiż. Il-​European Society of Cardiology kkwotat lil wieħed mill-​awturi tal-​istudju li qal li d-​dipressjoni mhux biss iġġiegħel il-​ġisem jipproduċi l-​ormoni tal-​istress li jwasslu għall-​mard tal-​qalb imma wkoll tfixkel l-​abbiltà li persuna jkollha biex issegwi pariri li jingħatawlha u li jistgħu jtejbulha saħħitha.

L-​Istati Uniti

Ix-​xjentisti qed jinvestigaw il-​perikli potenzjali għas-​saħħa li jiġu minn tartru tad-​duħħan tat-​tipjip li jibqaʼ fuq l-​għamara u fit-​trab f’appartamenti, kmamar tal-​lukandi, u karozzi. Tartru li jakkumula jistaʼ bil-​mod il-​mod isir iżjed velenuż maż-​żmien.