Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarsa lejn id-dinja

Ħarsa lejn id-dinja

Iċ-Ċina

Ir-rata tad-divorzju f’Beijing sparat għal 41 fil-mija matul l-ewwel disaʼ xhur fl-2013 meta mqabbla mal-istess perijodu fl-2012. L-esperti jaħsbu li l-qabża setgħet kienet ikkawżata minn koppji li pprovaw jevitaw taxxa t’20 fil-mija imposta reċentement fuq qligħ kapitali minn bejgħ taʼ djar. F’ċerti kundizzjonijiet, jingħata tnaqqis fit-taxxa lil kwalunkwe koppja divorzjata li tbigħ it-tieni dar.

Id-Dinja

Il-Ġnus Magħquda pproponiet il-possibbiltà li iktar nies jieklu l-insetti bħala mezz biex titnaqqas il-malnutrizzjoni. Peress li l-insetti li jittieklu għandhom valur għoli taʼ nutriment u jieklu affarijiet li l-bnedmin ma jistgħux, huma jirrappreżentaw “alternattiva promettenti għall-produzzjoni regolari tal-laħam,” jgħid rapport reċenti. Iżda, id-dokument jagħraf li “f’ċerti soċjetajiet hemm min jitqażżeż jiekol” l-insetti.

Il-Kanada

Kliniki tal-fertilità qed jissaraw mad-dilemma legali u morali taʼ x’jagħmlu b’embriji umani ffriżati li “s-sidien” tagħhom ma jistgħux jinstabu. Jingħad li klinika waħda għandha 1,000 embriju vijabbli li huma taʼ pazjenti tal-fertilizzazzjoni artifiċjali li “essenzjalment sparixxew.”

L-Irlanda

Kattoliċi li żżewġu fl-Irlanda sal-2013 kellhom jagħżlu bejn ċerimonja reliġjuża u ċerimonja ċivili. Imbagħad saret disponibbli l-għażla taʼ tieġ sekulari mmexxi minn grupp umanista. Skont rapport tal-aħbarijiet taʼ Reuters, “domanda minn dawk li jridu iżjed minn ċerimonja biċ-ċivil f’uffiċċju tar-reġistru imma li ma jridux tieġ reliġjuż ħolqot staġnar” għal min jipprovdi din l-għażla ġdida.