L-“Iktar Triq Wieqfa”?

L-“Iktar Triq Wieqfa”?

◼ X’hemm speċjali dwar it-​Triq Baldwin, f’Dunedin, New Zealand? Dunedin ilha ssostni li din it-​triq hija l-​iktar triq wieqfa fid-​dinja. Għalkemm din l-​istqarrija ġiet sfidata, ħaġa waħda hija ċerta: Triq Baldwin hija wieqfa b’mod eċċezzjonali.

Din it-​triq magħrufa sew saret post turistiku popolari għall-​viżitaturi minn madwar id-​dinja. Le, m’għandekx għalfejn tkun xi ħadd li jħobb jitlaʼ l-​muntanji biex tilħaq il-​quċċata tagħha. Tistaʼ titlaʼ din it-​triq taʼ 359 metru bil-​mixi, imma s-​sewwieqa huma skuraġġiti li jitilgħuha bil-​karozza.

Ejja Itlaʼ t-​Telgħa Magħna

Il-​ġurnata hija sabiħa u jien u sħabi qed nagħtu daqqa t’għajn lejn it-​triq wieqfa kollha li hawn quddiemna. Hekk kif nibdew telgħin, diġà qed nieħdu nifs qawwi filwaqt li ninklinaw ’il quddiem biex ma negħlbux lura. “Qisek tielgħa maʼ ħajt tal-​konkrit,” jgħid xi ħadd b’nifsu maqtugħ. Fil-​pront naraw bank li bħallikieku qed jgħajtilna biex immorru nistrieħu.

Hekk kif inkomplu telgħin, malajr naslu fil-​quċċata fejn qed ingawdu l-​veduta u fl-​istess ħin nistrieħu ftit. Taħtna qed naraw ringieli sbieħ taʼ djar u ġonna li huma miżmumin tajjeb. Fix-​xefaq nistgħu naraw mhedda t’art mhux kultivata b’ħaxix aħdar salvaġġ fi sfond taʼ sema ikħal.

Il-mixja tagħna sal-​quċċata ma kisret l-​ebda rekord taʼ veloċità. Wara li ninżlu n-​niżla kollha, nieqfu biex nieħdu ritratt tal-​konkwista tagħna u biex nistaqsu għall-​kopja taċ-​ċertifikat li jgħid li tlajna “l-​Iktar Triq Wieqfa fid-​Dinja.”