Id-Differenza bejn is-Sinjuri u l-Foqra Qegħda Tiżdied

Id-Differenza bejn is-Sinjuri u l-Foqra Qegħda Tiżdied

“Sar iktar progress fit-​tnaqqis tal-​faqar globali f’dawn l-​aħħar ħamsin sena milli kien sar f’dawn l-​aħħar ħames sekli,” tgħid il-​UNDP Today, pubblikazzjoni tal-​Programm tal-​Ġnus Magħquda għall-​Iżvilupp. “Il-​pajjiżi li qed jiżviluppaw naqqsu bin-​nofs ir-​rati taʼ mwiet fost it-​tfal mill-​1960 ’l hawn, naqqsu l-​malnutrizzjoni b’terz u għollew bi kwart l-​għadd taʼ tfal li jmorru l-​iskola.” Madankollu, l-​istess sors jammetti li minkejja dan il-​progress, il-​faqar globali “għadu mifrux maʼ kullimkien.”

Saħansitra agħar, l-​inġustizzji ġewwa u bejn is-​soċjetajiet qed jiżdiedu. “Meta mqabbel maʼ sena ilu,” tgħid Catherine Bertini, id-​direttriċi eżekuttiva tal-​Programm tal-​Ġnus Magħquda għall-​Ikel fid-​Dinja, “ħafna iktar nies fid-​dinja qegħdin isofru mill-​malnutrizzjoni u l-​ġuħ.” Fil-​fatt, illum mat-​840 miljun ruħ fil-​pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw il-​ġuħ kuljum, ’il fuq sewwa minn elf miljun ruħ m’għandhomx aċċess għal ilma tajjeb għax-​xorb, u kważi elf miljun u nofs iġaħġħuha b’inqas minn dollaru kuljum [38 ċenteżmu]. Mary Robinson, Kummissarju Għoli tal-​Ġnus Magħquda għad-​Drittijiet Umani, twissi li “ninsabu fil-​periklu li naslu f’punt fejn id-​dinja ma tkunx maqsuma bejn stati li qed jiżviluppaw u stati żviluppati, imma bejn [stati] żviluppati żżejjed u dawk li qatt m’huma se jkunu żviluppati.”

Kemm tonfoq kieku l-​komunità dinjija tal-​lum taʼ sitt elf miljun ruħ sabiex tnaqqas id-​differenza bejn is-​sinjuri u l-​foqra? Inqas milli wieħed jistaʼ jaħseb. Il-​ĠM tikkalkula li $9 elef miljun [Lm3,500 miljun] oħra ($1.50 [58 ċenteżmu] għal kull persuna) kull sena jkunu meħtieġa biex jipprovdu sanità u ilma nadif mad-​dinja kollha u li $13-il elf miljun [Lm5 elef miljun] oħra (madwar $2.00 [77 ċenteżmu] għal kull persuna) kull sena jkunu meħtieġa biex jiżguraw saħħa bażika u nutriment għal kull persuna fuq l-​art. Għalkemm dawn huma ammonti konsiderevoli, donnhom m’huma xejn x’ħin jitqabblu maʼ dak li d-​dinja tonfoq fuq servizzi oħra. Biex nagħtu eżempju, f’sena waħda reċenti d-​dinja nefqet $435 elf miljun [Lm167 elf miljun] (iktar minn $70 [Lm27] għal kull persuna) fuq ir-​reklami u fuq affarijiet militari nefqet $780 elf miljun [Lm300 elf miljun] ($130 [Lm50] għal kull persuna). Biċ-​ċar, li titnaqqas id-​differenza bejn in-​nies li għandhom u dawk li m’għandhomx hija iktar kwistjoni taʼ li jkun hemm prijoritajiet xierqa milli kwistjoni taʼ li jinstabu fondi biżżejjed.