Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Pietru u Ġwanni qed jippreparaw il-​kamra taʼ fuq għall-​Qbiż tas-​sena 33 WK

GĦIX BĦALA KRISTJAN

Qiegħed Tipprepara għat-Tifkira?

Qiegħed Tipprepara għat-Tifkira?

L-​aħħar Qbiż taʼ Ġesù kien se jkun importanti. Peress li daqt kien se jmut, hu ried jiekol l-​ikla tal-​Qbiż mal-​appostli tiegħu. Ukoll, ried jintroduċi l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej biex josservawha kull sena. Għalhekk, hu bagħat lil Pietru u Ġwanni biex ilestu l-​kamra. (Lq 22:7-​13; ara l-​istampa tal-​qoxra.) Dan ifakkarna li għandna nippreparaw għat-​Tifkira li se ssir fis-​27 taʼ Marzu. Il-​kongregazzjonijiet probabbli diġà rranġaw min se jagħmel it-​taħdita, il-​ħobż u l-​inbid, u affarijiet oħra. Imma x’nistgħu nagħmlu aħna biex nippreparaw għat-​Tifkira?

Żid l-​apprezzament tiegħek għall-​mewt taʼ Ġesù. Aqra u mmedita fuq il-​qari mill-​Bibbja għat-​Tifkira. Tistaʼ ssib skeda fil-​ktieb Neżaminaw l-​Iskrittura Kuljum, jew oħra iżjed dettaljata f’kapitlu 16 tal-​ktieb Gwida għall-​Istudju tal-​Kelma t’Alla. (Ara wkoll Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna t’April 2020.) Il-​familji jistgħu jsibu iktar informazzjoni dwar l-​importanza tal-​fidwa biex jikkunsidrawha fil-​qima bħala familja fil-​Gwida għall-​Pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Stieden lil oħrajn biex jattendu. Ħu sehem kemm tistaʼ fil-​kampanja tat-​Tifkira. Aħseb f’min tistaʼ tistieden, bħal żjajjar lura, uħud li kienu jistudjaw, kollegi tax-​xogħol, u tal-​familja. L-​anzjani għandhom ikunu ċerti li jistiednu wħud li huma inattivi. Ftakar li jekk xi ħadd ma joqgħodx fit-​territorju tiegħek, tistaʼ ssib il-​ħin u fejn se ssir it-​Tifkira viċin tiegħu billi tidħol fuq jw.org fis-​sezzjoni DWARNA u tagħżel “It-​Tifkira.”

X’tistaʼ tagħmel iżjed biex tkun preparat?