L-Immortalità tar-Ruħ—It-Twelid tad-Duttrina

L-Immortalità tar-Ruħ—It-Twelid tad-Duttrina

L-​Immortalità tar-​Ruħ—It-​Twelid tad-​Duttrina

“Ebda suġġett konness mal-​ħajja psîkika tiegħu ma okkupa kompletament il-​moħħ tal-​bniedem daqs dak dwar il-​kundizzjoni tiegħu wara l-​mewt.”—“ENCYCLOPÆDIA OF RELIGION AND ETHICS.”

1-3. Sokrate u Platone kif avanzaw l-​idea li r-​ruħ hija immortali?

 STUDJUŻ u għalliem taʼ 70 sena jinsab akkużat b’nuqqas taʼ mġiba xierqa u li qed jikkorrompi mħuħ żgħażagħ bit-​tagħlim tiegħu. Avolja jippreżenta difiża brillanti fil-​ġuri tiegħu, ġurija ppreġudikata ssibu ħati u tissentenzjah għall-​mewt. Ftit sigħat biss qabel l-​esekuzzjoni tiegħu, l-​għalliem xwejjaħ jippreżenta lill-​istudenti miġburin madwaru, serje taʼ argumenti li jaffermaw li r-​ruħ hija immortali u li l-​mewt m’għandhiex tnissel biżaʼ.

2 L-​ikkundannat ma kien ħadd ħlief Sokrate, il-​filosfu magħruf Grieg, li għex fil-​ħames seklu Q.E.K. a Platone, l-​istudent tiegħu, iddokumenta dawn il-​ġrajjiet fil-​komponimenti letterarji Apology u Phaedo. Sokrate u Platone huma meqjusin bħala li kienu minn taʼ l-​ewwel li avanzaw l-​idea li r-​ruħ hija immortali. Imma dan it-​tagħlim ma oriġinax minnhom.

3 Kif se naraw, l-​għeruq taʼ l-​idea taʼ immortalità umana jmorru lura għal żminijiet wisq iżjed bikrin. Sokrate u Platone, madankollu, irfinaw il-​konċett u biddluh f’tagħlim filosofiku, u b’hekk għamluh iktar attraenti għall-​klassi kolta taʼ żmienhom u taż-​żminijiet taʼ warajhom.

Minn Pitagora għall-​Piramidi

4. Qabel Sokrate, liema kienu l-​fehmiet tal-​Griegi dwar id-​Dinja l-​oħra?

4 Il-​Griegi taʼ qabel Sokrate u Platone wkoll kienu jemmnu li r-​ruħ kienet tibqaʼ ħajja wara l-​mewt. Pitagora, il-​matematiku famuż Grieg, li għex fis-​sitt seklu Q.E.K., sostna li r-​ruħ kienet immortali u suġġetta għal trasmigrazzjoni. Qablu, Thales taʼ Miletu, maħsub li kien l-​ewwel filosfu Grieg li nafu bih, kien jemmen li ruħ immortali kienet teżisti mhux biss fil-​bnedmin, fl-​annimali, u fil-​pjanti imma wkoll f’oġġetti bħal kalamiti, ladarba dawn jistgħu jċaqilqu l-​ħadid. Il-​Griegi tal-​qedem kienu jsostnu li l-​erwieħ tal-​mejtin kienu jinġarru b’dgħajsa fuq ix-​xmara Stiġe għal ġo saltna kbira taħt l-​art imsejħa d-​dinja tal-​mejtin. Hemmhekk, imħallfin kienu jissentenzjaw lill-​erwieħ jew għal turment f’ħabs b’ħitan għoljin jew għal tgawdija f’Elisjum.

5, 6. Il-​Persjani kif kienu jqisuha r-​ruħ?

5 Fl-​Iran, jew Persja, lejn il-​Lvant, fis-​sebaʼ seklu Q.E.K. tfaċċa profeta bl-​isem taʼ Żoroastru. Hu introduċa mod taʼ qima li sar magħruf bħala Żoroastrijaniżmu. Din kienet ir-​reliġjon taʼ l-​Imperu Persjan, li ddomina x-​xêna dinjija qabel ma l-​Greċja saret potenza ewlenija. L-​iskrittura Żoroastrijana tgħid: “Fl-​Immortalità r-​ruħ tat-​Twajjeb se tkun għal dejjem fl-​Hena, imma fit-​turment żgur se tkun ir-​ruħ tal-​Giddieb. U dawn il-​Liġijiet ordna Ahura Mazda [li tfisser, “alla għaref”] bl-​awtorità sovrana Tiegħu.”

6 It-​tagħlim taʼ l-​immortalità tar-​ruħ kien ukoll parti mir-​reliġjon Iranjana qabel Żoroastru. Tribujiet Iranjani tal-​qedem, per eżempju, kienu jieħdu ħsieb l-​erwieħ tal-​mejtin billi joffrulhom ikel u lbies biex ikunulhom taʼ siwi fid-​dinja taʼ taħt l-​art.

7, 8. L-​Eġizzjani tal-​qedem x’kienu jemmnu dwar is-​sopravivenza tar-​ruħ wara l-​mewt tal-​ġisem?

7 Twemmin fil-​ħajja wara l-​mewt kien ċentrali fir-​reliġjon Eġizzjana. L-​Eġizzjani kienu jemmnu li r-​ruħ tal-​mejjet kienet tiġi ġġudikata minn Osiris, l-​alla prinċipali tad-​dinja taʼ taħt l-​art. Per eżempju, dokument tal-​papiru li jingħad li ġej mis-​seklu 14 Q.E.K. juri lil Anubis, l-​alla tal-​mejtin, iressaq ir-​ruħ taʼ l-​iskrib Hunefer quddiem Osiris. Fuq miżien b’żewġt ikfief, qalb l-​iskrib, li tirrappreżenta l-​kuxjenza tiegħu, tintiżen bir-​rixa li tilbes fuq rasha l-​alla mara tal-​verità u l-​ġustizzja. Thoth, alla ieħor, iniżżel bil-​miktub ir-​riżultati. Peress li qalb Hunefer m’hijiex tqila bil-​ħtija, din tiżen inqas mir-​rixa, u Hunefer jitħalla jidħol fis-​saltna taʼ Osiris u jirċievi l-​immortalità. Il-​papiru juri wkoll mostru femminili wieqfa ħdejn il-​miżien, lesta biex tiblaʼ lill-​mejjet jekk il-​qalb ma tgħaddix mill-​prova. L-​Eġizzjani kienu wkoll jibbalzmaw lill-​mejtin tagħhom u jippreservaw l-​iġsma tal-​Fargħuni f’piramidi impressjonanti, peress li kienu jaħsbu li s-​sopravivenza tar-​ruħ kienet tiddependi fuq l-​ippreservar tal-​ġisem.

8 Għalhekk, diversi ċivilizzazzjonijiet tal-​qedem, kellhom duttrina waħda in komuni​—l-​immortalità tar-​ruħ. Ħadu huma dan it-​tagħlim mill-​istess sors?

Il-​Punt taʼ l-​Oriġini

9. Liema reliġjon influwenzat lid-​dinja tal-​qedem taʼ l-​Eġittu, il-​Persja, u l-​Greċja?

9 “Fid-​dinja tal-​qedem,” jgħid il-​ktieb The Religion of Babylonia and Assyria, “l-​Eġittu, il-​Persja, u l-​Greċja ħassew l-​influwenza tar-​reliġjon Babiloniża.” Dan il-​ktieb jissokta jispjega: “Meta wieħed iqis il-​kuntatt bikri bejn l-​Eġittu u l-​Babilonja, kif irrivelat mit-​twavel taʼ El-Amarna, ċertament li kien hemm opportunitajiet abbundanti għall-​introduzzjoni taʼ fehmiet u wżanzi Babiloniżi f’kulti Eġizzjani. Fil-​Persja, il-​kult taʼ Mithra jirrivela l-​influwenza ovvja taʼ konċetti Babiloniżi . . . It-​taħlit qawwi taʼ elementi Semitiċi kemm fil-​mitoloġija Griega bikrija u kemm f’kulti Griegi huwa issa tant irrikonoxxut b’mod ġenerali mill-​istudjużi li m’għandux għalfejn jiġi diskuss iktar. Dawn l-​elementi Semitiċi huma fil-​biċċa l-​kbira iżjed speċifikament Babiloniżi.” b

10, 11. X’kienet il-​fehma Babiloniża dwar il-​ħajja wara l-​mewt?

10 Imma m’hijiex il-​ħarsa Babiloniża dwar x’jiġri wara l-​mewt differenti konsiderevolment minn dik taʼ l-​Eġizzjani, il-​Persjani, u l-​Griegi? Ikkunsidra, per eżempju, l-​Epic of Gilgamesh Babiloniża. L-​eroj xwejjaħ tagħha, Gilgamesh, ossessjonat mir-​realtà tal-​mewt, jerħilha biex ifittex l-​immortalità imma ma jirnexxilux isibha. Xbejba bejjiegħa taʼ l-​inbid li tiltaqaʼ miegħu matul il-​vjaġġ saħansitra tinkuraġġih li jikseb kulma jistaʼ mill-​ħajja preżenti tiegħu, għaliex ma kienx se jsib il-​ħajja bla tmiem li kien qed ifittex. Il-​messaġġ taʼ l-​epika kollha huwa li l-​mewt hija inevitabbli u t-​tama taʼ l-​immortalità hija illużjoni. Jindika dan li l-​Babiloniżi ma kinux jemmnu fid-​Dinja l-​oħra?

11 Il-​Professur Morris Jastrow Jr., taʼ l-​Università taʼ Pennsylvania, fl-​Istati Uniti, kiteb: “La n-​nies u lanqas il-​mexxejja tal-​ħsieb reliġjuż [taʼ Babilonja] qatt ma antiċipaw il-​possibbiltà tal-​qerda totali taʼ dak li darba kien jeżisti. Il-​mewt [fil-fehma tagħhom] kienet passaġġ għal tip ieħor taʼ ħajja, u ċ-​ċaħda taʼ l-​immortalità enfasizzat sempliċement kemm kien impossibbli li wieħed jaħrab il-​bidla fl-​eżistenza li ġġib magħha l-​mewt.” Iva, il-​Babiloniżi wkoll kienu jemmnu li ħajja taʼ xi tip jew ieħor, f’xi forma jew oħra, kienet tkompli wara l-​mewt. Dan esprimewh billi mal-​mejtin kienu jidfnu oġġetti biex jintużaw minnhom fid-​Dinja l-​oħra.

12-14. (a) Wara d-​Dilluvju, fejn twieled it-​tagħlim dwar l-​immortalità tar-​ruħ? (b) Id-​duttrina kif infirxet maʼ l-​art kollha?

12 Jidher ċar li t-​tagħlim taʼ l-​immortalità tar-​ruħ imur lura sa Babilonja tal-​qedem. Skond il-​Bibbja, ktieb magħruf għal iddokumentar eżatt taʼ ġrajjiet storiċi, il-​belt taʼ Babel, jew Babilonja, kienet twaqqfet minn Nimrod, li bużnannuh kien Noè. c Wara d-​Dilluvju globali fi żmien Noè, kien hemm biss lingwa waħda u reliġjon waħda. Billi waqqaf il-​belt u bena torri fiha, Nimrod ta bidu għal reliġjon oħra. Il-​kitba fil-​Bibbja turi li wara li ġew imħawdin il-​lingwi f’Babel, il-​bennejja tat-​torri, li kienu fallew fl-​għan tagħhom, xterdu u reġgħu bdew kollox mill-​ġdid, waqt li ħadu magħhom ir-​reliġjon tagħhom. (Ġenesi 10:​6-10; 11:​4-9) It-​tagħlim reliġjuż Babiloniż b’hekk infirex maʼ l-​art kollha.

13 It-​tradizzjoni tgħid li Nimrod miet mewta vjolenti. Wara mewtu, wieħed kien jistenna li l-​Babiloniżi kienu disposti li jagħtuh stima kbira bħala l-​fundatur, il-​bennej, u l-​ewwel sultan taʼ belthom. Ladarba l-​alla Marduk (Merodach) kien meqjus bħala l-​fundatur taʼ Babilonja, xi studjużi ssuġġerew li Marduk jirrappreżenta lil Nimrod magħmul alla. Jekk dan huwa l-​każ, allura l-​idea li l-​bniedem għandu ruħ li tibqaʼ ħajja wara l-​mewt żgur li kienet prevalenti għall-​inqas fi żmien il-​mewt taʼ Nimrod. Kien x’kien il-​każ, il-​paġni taʼ l-​istorja jirrivelaw li wara d-​Dilluvju, il-​post fejn twieled it-​tagħlim dwar l-​immortalità tar-​ruħ kien Babel, jew Babilonja.

14 Iżda, din id-​duttrina kif saret ċentrali fil-​biċċa l-​kbira mir-​reliġjonijiet taʼ żmienna? Is-​sezzjoni li jmiss se teżamina d-​daħla tagħha fir-​reliġjonijiet tal-​Lvant.

[Noti taʼ taħt]

a Q.E.K. jfisser “Qabel l-​Era Komuni.” E.K. jissinjifika “Era Komuni,” taʼ spiss imsejjaħ A.D., għal Anno Domini, li jfisser “fis-​sena tal-​Mulej.”

b El-Amarna huwa s-​sît fejn hemm ir-​rovini tal-​belt Eġizzjana, Akhetaton, li jingħad li nbniet fis-​seklu 14 Q.E.K.

c Ara Il-​Bibbja​—Il-​Kelma t’Alla jew tal-​Bniedem?, paġni 16-​23, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 6]

Il-​fehma Eġizzjana dwar l-​erwieħ fid-​dinja taʼ taħt l-​art

[Stampa f’paġna 7]

Sokrate sostna li r-​ruħ hija immortali