Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Tlieta mill-​Evanġelji jirrakkontaw dwar l-​ilment li kien hemm meta Ġesù ġie midluk b’żejt għali. Kienu ħafna l-​appostli li lmentaw, jew kien Ġuda l-​perċimes?

Din il-​ġrajja nsibuha rakkontata fl-​Evanġelji taʼ Mattew, Mark, u Ġwanni. Jidher li kien Ġuda li qabad jilmenta; imbagħad għallinqas xi ftit appostli oħrajn qablu miegħu. Dan l-​inċident jurina kemm għandna għalfejn inkunu grati li għandna erbaʼ rakkonti taʼ l-​Evanġelju. Dak li kiteb kull kittieb kien eżatt, imma mhux kollha jagħtu l-​istess dettalji. Billi nqabblu l-​istess rakkonti, niksbu ħarsa iktar sħiħa u iktar dettaljata dwar ħafna ġrajjiet.

Ir-rakkont li nsibu f’Mattew 26:​6-13 jagħti l-​post—id-​dar taʼ Xmun il-​lebbruż, f’Betanja—imma ma jagħtix l-​isem tal-​mara li bdiet tferraʼ ż-​żejt ifuħ fuq ras Ġesù. Mattew jinnota: “Id-​dixxipli, kif raw dan, bdew jitmasħnu” u lmentaw li ż-​żejt setaʼ nbiegħ u l-​flus ngħataw lill-​foqra. (Korsiv tagħna.)

Ir-rakkont taʼ Mark jinkludi l-​biċċa l-​kbira minn dawn id-​dettalji. Imma jżid li l-​mara kissret għonq il-​vażett. Dan kien fih żejt ifuħ li kien “nard pur,” bħal dak li kien jiġi importat mill-​Indja. Rigward l-​ilment, Mark jirrapporta li “kien hemm xi wħud li bdew jitmasħnu bejniethom,” u li “[huma] bdew jeħduha magħha.” (Korsiv tagħna.) (Mark 14:​3-9) Għalhekk, iż-​żewġ rakkonti juru li kien hemm iktar minn appostlu wieħed involut f’dan l-​ilment. Iżda kif beda dan kollu?

Ġwanni, li kien wieħed li ra kollox b’għajnejh stess, kompla żied dettalji rilevanti. Hu jgħid min kienet il-​mara—Marija, oħt Marta u Lazzru. Ġwanni jagħti wkoll dan id-​dettall, li nistgħu nqisuh li jikkomplimenta iktar milli jikkontradixxi: “Dilket biha riġlejn Ġesù, mbagħad ixxuttathomlu b’xagħarha.” (Korsiv tagħna.) Meta ngħaqqdu dawn ir-​rakkonti flimkien, nistgħu naraw li Marija ferrgħet iż-​żejt, li Ġwanni jikkonferma li kien “nard pur,” fuq ras u fuq riġlejn Ġesù. Ġwanni kien ħabib intimu taʼ Ġesù u kellu t-​tendenza li jagħdab meta lil Ġesù kienu jagħmlulu xi affarijiet li jumiljawh. Naqraw: “Ġuda l-​Iskarjota, wieħed mid-​dixxipli tiegħu, dak li kien se jittradih, qal: ‘Din il-​fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-​foqra?’”​—Ġwann 12:​2-8.

M’għandniex xi ngħidu, Ġuda kien “wieħed mid-​dixxipli tiegħu,” imma hawn tistaʼ tħoss l-​għadab taʼ Ġwanni lejn xi ħadd li, minkejja li kellu din il-​pożizzjoni, kien qed jippjana biex jittradixxi lil Ġesù. Rigward Ġwann 12:​4, it-​traduttur Dr. C. Howard Matheny osserva: ‘Kemm il-​partiċipju imperfett ‘huwa’ [jew, “kien se”] u kemm l-​imperfett infinit ‘jittradixxi’ [jew, ‘kien se jittradixxi’] jesprimu azzjoni lineari jew kontinwa. Dan juri li meta Ġuda ttradixxa lil Ġesù, din ma kinitx xi azzjoni mumentanja magħmula ħabta u sabta għaliex kienet maħsuba u pjanata matul ġranet sħaħ.’ Ġwanni kompla żied l-​informazzjoni li Ġuda lmenta “mhux għax kien jimpurtah mill-​foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-​kaxxier, kien jisraq kull ma kienu jaqilgħu.”

Għalhekk, tidher ħaġa loġika li l-​ħalliel Ġuda kebbes dan l-​ilment għaliex b’hekk hu kien ikollu iktar x’jisraq li kieku ż-​żejt għali nbiegħ u l-​flus tpoġġew fil-​kaxxa tal-​flus li kien iġorr hu. Imbagħad ladarba Ġuda kien qajjem dan l-​ilment, xi appostli oħrajn setgħu qablu miegħu minn taħt l-​ilsien dwar dak li deher punt validu. Madankollu, Ġuda kien ix-​xewwiex prinċipali taʼ dan l-​ilment.