Hija t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida eżatta?
L-ewwel parti tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida ħarġet fl-1950. Minn dakinhar ’l hawn, xi wħud ikkummentaw jew qajmu dubji dwar l-eżattezza tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida a għax f’xi siltiet ma taqbilx ma’ traduzzjonijiet oħra tal-Bibbja. Ir-raġunijiet għal dawn id-differenzi normalment jaqgħu taħt waħda minn dawn il-kategoriji.
Taʼ min joqgħod fuqha. It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida hija bbażata fuq riċerka u studju li huma aġġornati u fuq l-aktar manuskritti antiki taʼ min joqgħod fuqhom. B’kuntrast, il-King James Version tal-1611 kienet ibbażata fuq manuskritti li ħafna drabi ma kinux daqstant eżatti u mhux antiki daqs dawk użati fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida.
Lealtà. It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tistinka biex twassal b’lealtà l-messaġġ oriġinali li kien imnebbaħ minn Alla. (2 Timotju 3:16) Ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja ma jibqgħux leali lejn il-messaġġ t’Alla biex minflok jimxu wara t-tradizzjonijiet tal-bniedem. Pereżempju, meta jibdlu l-isem persunali t’Alla, Ġeħova, b’titli bħal Mulej jew Alla.
Letterali. Kuntrarju għat-tradutturi tal-Bibbja li jiktbu fi kliemhom, it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tittraduċi kliem b’mod letterali sakemm dan ma jirriżultax fi kliem mhux naturali jew li jaħbi l-ħsieb tal-kitba oriġinali. Tradutturi li jdawru fi kliemhom il-kitba oriġinali tal-Bibbja jistgħu jinkludu opinjonijiet tal-bniedem jew iħallu barra dettalji importanti.
Differenzi bejn it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida u traduzzjonijiet oħra
Kotba nieqsa. Fil-Bibbji tagħhom, il-Kattoliċi Rumani u l-Ortodossi tal-Lvant jinkludu kotba li minn xi wħud huma magħrufin bħala l-Apokrifi. Madankollu, dawn il-kotba ma ġewx aċċettati bħala parti mill-kotba mnebbħin tal-Lhud, u huwa taʼ min jinnota li l-Bibbja tgħid li l-Lhud kienu dawk “fdati bid-dikjarazzjonijiet sagri t’Alla.” (Rumani 3:1, 2) Għalhekk, it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida u ħafna tradizzjonijiet moderni oħra tal-Bibbja b’kull raġun jeskludu l-kotba tal-Apokrifi.
Versi neqsin. F’xi traduzzjonijiet żdiedu versi u frażijiet li mhumiex fl-aktar manuskritti antiki tal-Bibbja li huma disponibbli, però t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida ma tinkludix dan il-materjal miżjud. F’ħafna traduzzjonijiet moderni jew tħallew barra dawn il-versi li ġew miżjudin jew ġie magħruf il-fatt li m’għandhomx l-appoġġ mingħand l-iktar sorsi taʼ min joqgħod fuqhom. b
Il-kliem jitpoġġa b’mod differenti. Xi kultant, Bibbji tradotti kelma b’kelma mhumiex ċari jew jagħtu ideat żbaljati. Pereżempju, l-istqarrija taʼ Ġesù f’Mattew 5:3 ħafna drabi hija tradotta: “Henjin il-foqra fl-ispirtu.” (Għaqda Biblika Maltija, KŻ, Saydon) Ħafna ma jsibuhiex ċara t-tifsira letterali taʼ “foqra fl-ispirtu,” filwaqt li wħud jaħsbu li Ġesù kien qed jenfasizza l-valur tal-umiltà jew il-faqar. Madankollu, il-punt li għamel Ġesù kien li l-ferħ veru jiġi milli nifhmu l-ħtieġa għall-gwida t’Alla. It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tittraduċi b’eżattezza dak li ried ifisser Ġesù permezz taʼ dan il-kliem: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.”—Mattew 5:3.
Kummenti pożittivi dwar it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida minn studjużi li mhumiex Xhieda
F’ittra miktuba fit-8 taʼ Diċembru 1950, it-traduttur u l-istudjuż magħruf tal-Bibbja Edgar J. Goodspeed kiteb hekk rigward it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida ta’ l-Iskrittura Griega Kristjana: “Jien interessat fix-xogħol tagħkom u l-fatt li jkopri d-dinja kollha, u jien ferħan ħafna bit-traduzzjoni ċara, naturali, u fluwenti. Nistaʼ nikkonferma li din turi varjetà kbira taʼ tagħlim serju u taʼ min joqgħod fuqu.”
Edgar J. Goodspeed
Il-Professur Allen Wikgren tal-Università taʼ Chicago semma t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bħala eżempju taʼ traduzzjoni li ma tużax lingwaġġ antik. Hu qal li ma tittraduċix minn tradizzjonijiet oħra, imma minflok mill-kitbiet oriġinali.—The Interpreter’s Bible, Volume I, paġna 99.
Meta kkummenta dwar it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida ta’ l-Iskrittura Griega Kristjana, kritiku tal-Bibbja mill-Britannja li jismu Alexander Thomson kiteb: “Jidher li t-traduzzjoni hija x-xogħol taʼ studjużi bravi u tas-sengħa, li fittxew li joħorġu kemm jistgħu s-sens veru tat-test Grieg, sakemm hu possibbli bil-lingwa Ingliża.”—The Differentiator, April 1952, paġna 52.
Minkejja l-fatt li ħaseb li t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida kellha kemm affarijiet mhux tas-soltu u kemm affarijiet taʼ kwalità għolja, Robert M. McCoy ikkonkluda r-rapport tiegħu dwarha billi qal: “It-traduzzjoni tat-Testment il-Ġdid hija evidenza li f’dan il-moviment [fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova] hemm studjużi kwalifikati biex jittrattaw b’mod intelliġenti l-ħafna problemi tat-traduzzjoni Biblika.”—Andover Newton Quarterly, Jannar 1963, paġna 31.
Il-Professur S. MacLean Gilmour, filwaqt li ma jaqbilx mal-mod kif ġew tradotti xi affarijiet li jinsabu fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida, xorta waħda rrikonoxxa li t-tradutturi tagħha “b’mod straordinarju wrew li kienu jinqalgħu fil-Grieg.”—Andover Newton Quarterly, Settembru 1966, paġna 26.
Fir-rapport li kiteb dwar it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida li tifforma parti mill-Kingdom Interlinear Translation of the Greek Scriptures, il-Professur Assoċjat Thomas N. Winter qal: “It-traduzzjoni li saret minn kumitat anonimu hija aġġornata għalkollox u miktuba b’eżattezza b’mod konsistenti.”—The Classical Journal, April-Mejju 1974, paġna 376.
Il-Professur Benjamin Kedar, studjuż tal-Ebrajk f’Iżrael, qal dan fl-1989: “Fir-riċerka lingwistika tiegħi f’konnessjoni mal-Bibbja u t-traduzzjonijiet Ebrajċi, taʼ spiss nirreferi għall-edizzjoni bl-Ingliż taʼ dik li hi magħrufa bħala t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida. Meta nagħmel dan, insib li qed nikkonferma ripetutament li din il-biċċa xogħol tirrifletti sforz onest biex tinkiseb fehma tat-test li hija eżatta kemm jistaʼ jkun.”
Ibbażat fuq l-analisi tiegħu taʼ disaʼ traduzzjonijiet Ingliżi ewlenin, Jason David BeDuhn, professur assoċjat tal-istudju reliġjuż, kiteb: “Jidher li t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida hija l-iktar waħda eżatta mit-traduzzjonijiet kollha li qabbilt.” Għalkemm in-nies inġenerali u ħafna studjużi tal-Bibbja jassumu li differenzi fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida huma riżultat taʼ preġudizzju reliġjuż min-naħa tat-tradutturi, BeDuhn qal li l-maġġoranza tad-differenzi huma minħabba l-fatt li tradutturi tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida pprovaw ikunu eżatti kemm jistaʼ jkun, u b’hekk imxew mill-qrib mal-kitba oriġinali tat-Testment il-Ġdid.—Truth in Translation, paġni 163, 165.
a Il-kummenti japplikaw għall-edizzjonijiet tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bl-Ingliż qabel ma ħarġet ir-reviżjoni tal-2013. It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bil-Malti hija bbażata fuq il-verżjoni Ingliża, imma t-tradutturi rreferew għall-kitba bil-lingwa oriġinali biex jagħmlu ċert li sar kollox bl-eżatt.
b Pereżempju, ara l-Bibbja taʼ Saydon. Il-versi miżjudin huma Mattew 23:14; Marku 9:44, 46; 11:26; 15:28; Luqa 23:17; Atti 15:34; 28:29; u Rumani 16:24. Il-Bibbja taʼ Karm Żammit u Saydon jinkludu silta favur it-Trinità fl-1 Ġwanni 5:7, 8, li kienet miżjuda mijiet taʼ snin wara li nkitbet il-Bibbja.