Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

ĠEW DISINJATI?

Is⁠-⁠swabaʼ impressjonanti tal⁠-⁠qarnita

Is⁠-⁠swabaʼ impressjonanti tal⁠-⁠qarnita

Inġinieri tar⁠-⁠robots qed jivvintaw apparat li jgħin lit⁠-⁠tobba joperaw fi spazji żgħar fil⁠-⁠ġisem mingħajr ma jkun hemm bżonn li jagħmlu qatgħa kbira. Dawk li vvintaw dan l⁠-⁠apparat ġew ispirati mis⁠-⁠swabaʼ, jew it⁠-⁠tentakli, flessibbli immens tal⁠-⁠qarnita.

Ikkunsidra: Bit⁠-⁠tmint iswabaʼ flessibbli u jiġġebbdu, il⁠-⁠qarnita tistaʼ taqbad, tagħfas, u żżomm l⁠-⁠oġġetti, anki fi spazju żgħir ħafna. U mhux talli tistaʼ tilwi s⁠-⁠swabaʼ f’kull direzzjoni, imma tistaʼ wkoll twebbes partijiet differenti tas⁠-⁠swabaʼ skont il⁠-⁠bżonn.

Ir⁠-⁠riċerkaturi jemmnu li apparat simili għat⁠-⁠tentaklu tal⁠-⁠qarnita, li jkun artab u flessibbli, jistaʼ jkun imprezzabbli għal operazzjonijiet li jsiru minn qataʼ żgħira fil⁠-⁠ġisem. Dan l⁠-⁠apparat jistaʼ jagħmilha possibbli biex isiru operazzjonijiet fuq pazjenti li s⁠-⁠soltu jkollhom bżonn operazzjoni iktar ikkumplikata.

Innota kif jiċċaqalqu t⁠-⁠tentakli flessibbli tal⁠-⁠qarnita

Apparat robotiku simili għat⁠-⁠tentaklu tal⁠-⁠qarnita diġà ġie vvintat u qed jiġi ttestjat qabel ma jiġi użat f’operazzjonijiet veri. Parti taʼ dan l⁠-⁠apparat, li hu twil 135 millimetru, tistaʼ terfaʼ u żżomm organi interni rotob mingħajr ma tagħmlilhom ebda ħsara, waqt li parti oħra tagħmel l⁠-⁠operazzjoni propja. Dr. Tommaso Ranzani, li kellu sehem f’din l⁠-⁠invenzjoni, qal: “Aħna nemmnu li din is⁠-⁠sistema se tkun il⁠-⁠bidu taʼ verżjonijiet ġodda u aħjar b’funzjonijiet iktar avvanzati.”

Apparat simili għat⁠-⁠tentaklu tal⁠-⁠qarnita, li jkun artab u flessibbli, jistaʼ jkun imprezzabbli għall⁠-⁠operazzjonijiet

Int x’taħseb? Is⁠-⁠swabaʼ tal⁠-⁠qarnita ġew b’evoluzzjoni? Jew ġew disinjati?