Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

ĠIET DISINJATA?

Il⁠-⁠ġilda li tnaddaf lilha nfisha tal⁠-⁠balena s⁠-⁠sewda

Il⁠-⁠ġilda li tnaddaf lilha nfisha tal⁠-⁠balena s⁠-⁠sewda

Il⁠-⁠koċċli u organiżmi oħra tal⁠-⁠baħar li jitrabbew maʼ qiegħ il⁠-⁠vapuri qed joħolqu problema kbira għall⁠-⁠kumpaniji li jużaw il⁠-⁠vapuri. Din il⁠-⁠problema, li bl⁠-⁠Ingliż jgħidulha biofouling, qed tnaqqas il⁠-⁠veloċità tal⁠-⁠vapuri u ġġiegħel il⁠-⁠vapuri jaħlu iktar fjuwil. Allura, kull sentejn ikollhom jittieħdu biex jitnaddfu. Dan ifisser li matul dan il⁠-⁠ħin ma jkunux jistgħu jintużaw. Ix⁠-⁠xjentisti qed ifittxu s⁠-⁠soluzzjoni min⁠-⁠natura.

Ikkunsidra: L⁠-⁠istudji li saru juru li l⁠-⁠ġilda tal⁠-⁠balena s⁠-⁠sewda (Globicephala melas) għandha l⁠-⁠abbiltà li tnaddaf lilha nfisha. Din għandha ħafna linji rqaq imqabbżin, li huma żgħar wisq biex il⁠-⁠koċċli jaqbdu qabda sew mal⁠-⁠ġilda tal⁠-⁠balena. L⁠-⁠ispazju taʼ bejn dawn il⁠-⁠linji hu mimli b’ġel li ma jħallix l⁠-⁠alka u l⁠-⁠batterji jeħlu mal⁠-⁠balena. Din tagħmel iżjed ġel hekk kif tbiddel il⁠-⁠ġilda.

Ix⁠-⁠xjentisti qed jippjanaw li maʼ qiegħ il⁠-⁠vapuri jaddattaw il⁠-⁠metodu li l⁠-⁠balena tuża biex tnaddaf lilha nfisha. Fil⁠-⁠passat, kienet tintuża żebgħa apposta biex qiegħ il⁠-⁠vapur jibqaʼ nadif. Però, dan l⁠-⁠aħħar, ċerta żebgħa, li kienet tintuża ħafna, ma tistax tibqaʼ tiġi użata minħabba li qed tniġġes il⁠-⁠baħar. Is⁠-⁠soluzzjoni tar⁠-⁠riċerkaturi hi li jiksu qiegħ il⁠-⁠vapuri b’xibka tal⁠-⁠metall fuq sett taʼ toqob li minnhom toħroġ kimika li ma tniġġisx il⁠-⁠baħar. Meta l⁠-⁠kimika tiġi f’kuntatt mal⁠-⁠baħar, din tibda teħxien u ssir ġel. B’hekk, jiġi ffurmat saff li jiksi l⁠-⁠qiegħ kollu tal⁠-⁠vapur. Maż⁠-⁠żmien, dan is⁠-⁠saff, li ma jkunx eħxen minn millimetru, jispiċċa fix⁠-⁠xejn, u miegħu jitlaq ukoll kull organiżmu li forsi jkun weħel mal⁠-⁠vapur. Imbagħad joħroġ iktar ġel biex jerġaʼ jiksi l⁠-⁠qiegħ tal⁠-⁠vapur.

Il⁠-⁠koċċli jġiegħlu lil vapuri jimxu bil⁠-⁠mod u huma diffiċli biex jitneħħew

Testijiet li saru mir⁠-⁠riċerkaturi juru li dan il⁠-⁠metodu jistaʼ jnaqqas b’100 darba l⁠-⁠problema taʼ li l⁠-⁠organiżmi jeħlu mal⁠-⁠vapuri. U dan kieku jkun taʼ vantaġġ kbir għall⁠-⁠kumpaniji li jużaw il⁠-⁠vapuri, għax iqum ħafna flus biex iddaħħal vapur f’dockyard biex jitnaddaf.

Int x’taħseb? Il⁠-⁠ġilda li tnaddaf lilha nfisha tal⁠-⁠balena s⁠-⁠sewda evolviet? Jew ġiet disinjata?