Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

ĠIE DISINJAT?

Is⁠-⁠sonar tad⁠-⁠denfil

Is⁠-⁠sonar tad⁠-⁠denfil

Id⁠-⁠denfil jagħmel ħsejjes differenti u jismaʼ l⁠-⁠eku sabiex ikun jaf minn fejn għandu jgħaddi u x’hemm madwaru. Peress li xi xjenzjati ġew ispirati mis⁠-⁠sonar naturali tad⁠-⁠denfil b’geddumu qasir (bottlenose dolphin), dawn qed jiżviluppaw sistema biex tintuża fil⁠-⁠baħar li tipproduċi l⁠-⁠ħsejjes u taħdem mingħajr ebda apparat elettroniku biex issolvi l⁠-⁠problemi li ma jistgħux jissolvew bit⁠-⁠teknoloġija tal⁠-⁠lum.

Ikkunsidra: Is⁠-⁠sonar tad⁠-⁠denfil jgħinu jsib ħut moħbi fir⁠-⁠ramel f’qiegħ il⁠-⁠baħar u jagħraf bejn ħuta u ġebla. Apparti minn hekk, skont Keith Brown, professur f’Heriot⁠-⁠Watt University, Edinburgh, l⁠-⁠Iskozja, id⁠-⁠denfil jistaʼ “jagħraf id⁠-⁠differenza bejn kontejners li fihom ilma ħelu, ilma baħar, ġulepp, u żejt minn għaxar metri bogħod.” Xi xjenzjati jixtiequ jiżviluppaw apparati li jkollhom xi ftit mill⁠-⁠istess kapaċità.

Id⁠-⁠denfil jistaʼ jagħraf x’hemm fil⁠-⁠kontejners minn għaxar metri bogħod

Xi riċerkaturi analizzaw il⁠-⁠ħsejjes u s⁠-⁠smigħ tad⁠-⁠denfil, u mbagħad ipprovaw jipproduċu bħalhom. B’hekk, setaʼ jiġi vvintat l⁠-⁠apparat sonar mimli b’komponenti elettroniċi sofistikati. Dan jitpoġġa f’ċilindru li ma jkunx itwal minn metru. Dan l⁠-⁠apparat li jitwaħħal maʼ makkinarju robotiku li jintuża taħt l⁠-⁠ilma ġie ddisinjat biex jara x’hemm f’qiegħ il⁠-⁠baħar, isib affarijiet mgħottijin bħal kejbils jew pajpijiet, u janalizzahom mingħajr ma jmiss magħhom. Min ivvinta dan qed jara li jistaʼ jintuża mill⁠-⁠industriji taż⁠-⁠żejt u l⁠-⁠gass. Is⁠-⁠sonar li ġie ispirat mid⁠-⁠denfil għandu jżid mal⁠-⁠informazzjoni li jiġbru l⁠-⁠apparati sonar li hawn bħalissa. B’hekk, jgħin lit⁠-⁠technicians ipoġġu makkinarji jew oġġetti fil⁠-⁠baħar fl⁠-⁠aħjar post u jsib il⁠-⁠ħsarat li jistaʼ jsirilhom—⁠bħal xaqq irqiq ħafna fil⁠-⁠ħadid li jżomm ir⁠-⁠rigg taż⁠-⁠żejt—⁠u jistaʼ saħansitra jsib pajpijiet misdudin.

Int x’taħseb? Id⁠-⁠denfil b’geddumu qasir ġie bl⁠-⁠evoluzzjoni? Jew ġie disinjat?