IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Kif nistaʼ nevita li jkolli burnout?

Kif nistaʼ nevita li jkolli burnout?

 Qiegħed int fiċ-​ċans li jkollok burnout, jiġifieri li tħossok eżawrit? Jekk iva, dan l-​artiklu jistaʼ jgħinek!

 Għala jiġri dan

  •   Għandek wisq maʼ xiex tlaħħaq. Waħda żagħżugħa jisimha Julie tgħid, “F’kull aspett tal-​ħajja, ħafna jgħidulna biex inkomplu nagħmlu aħjar, biex nitjiebu, u biex inkomplu nagħmlu miri akbar u jkollna riżultati aħjar. Mhuwiex faċli li tkun taħt din il-​pressjoni l-​ħin kollu!”

  •   It-​teknoloġija. Bil-​mowbajls, tablets, u affarijiet oħra taʼ teknoloġija, aħna nkunu onlajn jew disponibbli kważi 24 siegħa kuljum—xi ħaġa li tistaʼ tagħmilna stressati, u maż-​żmien, twassalna għal burnout.

  •   Nuqqas taʼ rqad. “Minħabba l-​iskola, ix-​xogħol, u d-​divertiment, ħafna żgħażagħ iqumu kmieni u jorqdu tard, b’hekk jidħlu f’rutina ħażina li jkun diffiċli joħorġu minna,” tgħid żagħżugħa jisimha Miranda. Din ir-​rutina spiss twassal għal burnout.

 Għala hu importanti

 Il-​Bibbja tfaħħar lil min hu bieżel. (Proverbji 6:6-​8; Rumani 12:11) Imma ma taqbilx maʼ li wieħed jaħdem sal-​punt li kull ħaġa oħra fil-​ħajja tmur minn taħt—inkluż is-​saħħa tiegħek.

 “Darba minnhom, indunajt li kienet għaddiet ġurnata u kont għadni ma kiltx, għax kont iffokata wisq fuq ir-​responsabbiltajiet li kont aċċettajt. Tgħallimt li mhuwiex tajjeb li nkun lesta naċċetta kull biċċa xogħol—mhux sal-​punt li jkun hemm saħħti fin-​nofs.”—Ashley.

 Il-​Bibbja għandha raġuni tajba għala tgħid: “Kelb ħaj aħjar minn iljun mejjet.” (Ekkleżjasti 9:4) Li tkompli tisforza lilek innifsek jistaʼ jġiegħlek tħoss li għandek saħħa bħal taʼ ljun—almenu għal ftit żmien. Imma li tisforza lilek innifsek sakemm ikollok burnout jistaʼ jkollu konsegwenzi koroh fuq saħħtek.

 Dak li tistaʼ tagħmel

  •   Tgħallem għid le. Il-​Bibbja tgħid: “L-​għerf hu mal-​modesti.” (Proverbji 11:2) Persuna modesta taf il-​limiti tagħha u ma taċċettax iktar affarijiet milli tiflaħ.

     “Ħafna min-​nies li jkollhom burnout huma dawk li ma jafux jgħidu le, dawk li jipprovaw jaċċettaw kull biċċa xogħol. Dawn ma jkunux modesti meta jagħmlu hekk. U xi darba jew oħra, dan iwassal għal burnout.”—Jordan.

  •   Ħu l-​mistrieħ li għandek bżonn. Il-​Bibbja tgħid: “Aħjar id mimlija bil-​mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-​xogħol iebes u l-​ġiri wara r-​riħ.” (Ekkleżjasti 4:6) L-​irqad ġieli ġie mqabbel maʼ “ikel għall-​moħħ.” Iż-​żgħażagħ għandhom bżonn jorqdu minn tmien sigħat sa għaxra kull lejl. Imma l-​biċċa l-​kbira minnhom qed jorqdu inqas minn hekk.

     “Meta kelli wisq x’nagħmel, kelli t-​tendenza li ma norqodx biżżejjed. Imma kultant, dik is-​siegħa żejda taʼ rqad tkun eżatt dak li jkolli bżonn biex inkun iktar produttiva u ferħana l-​ġurnata taʼ wara.”—Brooklyn.

  •   Organizza ruħek. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​pjanijiet tal-​ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.” (Proverbji 21:5) Li titgħallem tqassam il-​ħin u tikkalkula kemm tlaħħaq tagħmel affarijiet hija abbiltà li se tkun taʼ ġid matul ħajtek.

     “Ħafna mill-​istress li nitfgħu fuqna jistaʼ jiġi evitat billi nużaw kalendarju. Meta jkollok skeda ċara quddiemek, se jkun eħfef biex tara fejn tistaʼ tagħmel aġġustamenti ħalli tevita li jkollok burnout.”—Vanessa.