IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Kif nistaʼ nkampa mad-dipressjoni?
Pariri tajbin jistgħu jgħinuk tħossok ħafna aħjar!
Kieku inti x’tagħmel?
Aħseb dwar dawn is-sitwazzjonijiet:
Lil Jennifer xejn m’għadu jagħmilha ferħana. Hi tibki kuljum għal kull ħaġa taʼ xejn, mingħajr ma taf għala. Tevita n-nies u bilkemm qed tiekol. Issibha diffiċli biex torqod u tikkonċentra. Jennifer taħseb bejnha u bejn ruħha: ‘X’qed jiġrili? Qatt se nerġaʼ nħossni normali?’
Mark kien wieħed mill-aqwa studenti. Imma issa jobgħodha l-iskola, u l-marki tiegħu niżlu f’daqqa. Mark m’għandux enerġija biex jieħu sehem fl-isports li qabel kien iħobb. Il-ħbieb tiegħu ma jistgħux jifhmu x’qed jiġrilu. Il-ġenituri tiegħu inkwetati. Hi din biss fażi—jew xi ħaġa oħra?
Inti spiss tħossok bħal Jennifer jew Mark? Jekk iva, x’tistaʼ tagħmel? Tistaʼ tipprova tagħmel dawn iż-żewġ affarijiet:
Tipprova tkampa waħdek
Titkellem maʼ adult li tafda
L-għażla A tistaʼ tħajrek iktar, speċjalment meta ma jkollokx aptit titkellem. Imma hi l-iktar għażla għaqlija? Il-Bibbja tgħid: “Tnejn aħjar minn wieħed . . . għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu. Imma wieħed li jkun waħdu, x’jiġrilu jekk jaqaʼ meta ma jkunx hemm min iqajmu?”—Ekkleżjasti 4:9, 10.
Immaġina dan l-eżempju: Int tinsab mitluf f’area li fiha hemm ħafna kriminalità. Dalam, u wara kull kantuniera hemm nies li ma tafhomx. Kieku int x’tagħmel? Tistaʼ tipprova toħroġ minn dik l-area waħdek. Imma ma taħsibx li jkun aħjar kieku ssaqsi lil xi ħadd li tafda biex jgħinek?
Is-sintomi tad-dipressjoni huma simili ħafna għal dik l-area perikoluża. Veru, minn żmien għall-ieħor tistaʼ tħossok imdejjaq, u dan id-dwejjaq jistaʼ jgħaddi waħdu. Imma jekk tħossok imdejjaq ħafna għal żmien twil, l-aħjar ħaġa hi li tfittex l-għajnuna.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Min jinqataʼ għalih, . . . kontra kull għaqal jiħodha.”—Proverbji 18:1.
Il-vantaġġ tal-għażla B, jiġifieri li titkellem maʼ ġenitur jew adult ieħor li tafda, hu li int tistaʼ tibbenefika mill-esperjenza taʼ xi ħadd li diġà kampa maʼ emozzjonijiet diffiċli.
Forsi tgħid: ‘Imma l-ġenituri tiegħi m’għandhomx idea x’jiġifieri li tħossok hekk!’ Imma int ċert minn dan? Anke jekk is-sitwazzjonijiet li ffaċċjaw meta kienu żgħażagħ kienu differenti minn tiegħek, huma għandhom mnejn ħassewhom l-istess. U jistaʼ jkun li huma jafu kif jgħinuk!
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Mhux għerf hemm fost l-imdaħħlin fiż-żmien u abbiltà li jifhmu fl-għomor twil?”—Ġob 12:12.
Il-punt hu: Jekk tiftaħ qalbek maʼ ġenitur jew adult ieħor li tafda, aktarx li se jagħtik pariri li jaħdmu.
Meta tkun għaddej mid-dipressjoni hu bħal meta tkun mitluf f’area perikoluża. Biex toħroġ minn ġo fiha, fittex l-għajnuna
Xi ngħidu jekk hi problema medika?
Jekk tħossok imdejjaq ħafna kuljum, jistaʼ jkun li għandek kundizzjoni medika bħal dipressjoni qawwija (clinical depression), li għandha bżonn tiġi kkurata.
Fiż-żgħażagħ, is-sintomi tad-dipressjoni qawwija jistgħu jkunu simili ħafna għad-dwejjaq komuni li jgħaddu minnhom iż-żgħażagħ, imma aktarx li jkunu iktar qawwijin u ma jkunux iridu jitilqu. Mela jekk ilek tħoss dwejjaq kbar ħafna, għala ma titkellimx mal-ġenituri tiegħek fuq li tmur tagħmel checkup għand tabib?
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma l-morda iva.”—Mattew 9:12.
Jekk issir taf li għandek dipressjoni qawwija, m’għandekx għalfejn tistħi. Id-dipressjoni fiż-żgħażagħ hi komuni, u tistaʼ tiġi kkontrollata! Il-ħbieb veri tiegħek mhux se jħarsu lejk b’mod differenti.
Suġġeriment: Kun paċenzjuż. Meta jkollok dipressjoni, jieħu ż-żmien biex tfiq, u tistaʼ tistenna li jkollok kemm ġranet tajbin kif ukoll ġranet ħżiena. a
Azzjonijiet li tistaʼ tieħu biex tħossok aħjar
Għandek jew m’għandekx bżonn kura medika, hemm xi affarijiet li tistaʼ tagħmel biex tkampa mad-dwejjaq li tħoss kontinwament. Pereżempju, eżerċizzju regolari, dieta tajba, u li torqod biżżejjed, jistgħu jgħinu f’li jibbilanċjaw l-emozzjonijiet tiegħek. (Ekkleżjasti 4:6; 1 Timotju 4:8) Tistaʼ wkoll issibha t’għajnuna li tikteb dwar dak li qed tħoss, miri li se jgħinuk tħossok aħjar, affarijiet li ma għenukx, u affarijiet li għenuk tħossok aħjar.
Jekk qed issofri minn dipressjoni qawwija jew għaddej minn żmien diffiċli emozzjonalment, ftakar: Billi taċċetta l-għajnuna t’oħrajn u tieħu passi biex jgħinuk tħossok aħjar, int tistaʼ tkampa mad-dipressjoni.
Skritturi mill-Bibbja li jistgħu jgħinuk
“Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”—Salm 34:18.
“Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik. Hu qatt ma jħalli lill-ġust jogħtor.”—Salm 55:22.
“Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’”—Isaija 41:13.
“Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada.”—Mattew 6:34.
“Ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom.”—Filippin 4:6, 7.
a Jekk għandek ħsibijiet dwar li ttemm ħajtek, fittex l-għajnuna t’adult li tafda immedjatament. Għal iktar informazzjoni, ara l-erbaʼ artikli tas-suġġett prinċipali “Għala tibqaʼ tgħix?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! t’April tal-2014