Malti
Il-Bibbja kif tistaʼ tgħinni?—L-1 parti: Skopri x’hemm fil-Bibbja tiegħek
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/502018119/univ/art/502018119_univ_sqr_xl.jpg
ijwyp artiklu 77

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Il-Bibbja kif tistaʼ tgħinni?—L-1 parti: Skopri x’hemm fil-Bibbja tiegħek

Il-Bibbja kif tistaʼ tgħinni?—L-1 parti: Skopri x’hemm fil-Bibbja tiegħek

 “Provajt naqra l-Bibbja, imma meta nara kemm fiha paġni, naqtaʼ qalbi!”—Briana, 15-il sena.

 Jekk int tħossok hekk, dan l-artiklu jistaʼ jgħinek!

 Għala għandi naqra l-Bibbja?

 Tqisha xi ħaġa tad-dwejjaq li taqra l-Bibbja? Jekk iva, m’intix waħdek. Forsi tqis li l-Bibbja hi sempliċi ktieb b’iktar minn elf paġna b’kitba rqiqa u mingħajr stampi—m’għandhiex x’taqsam mat-televixin u l-vidjows!

 Imma aħseb dwarha b’dal-mod: Kieku kellek issib kaxxa kbira antika b’teżor ġo fiha, ma tkunx int kurjuż biex tara x’hemm ġewwa?

 Il-Bibbja hi eżatt bħal dan it-teżor. Fiha ħafna għarfien li hu bħal ġawhar prezzjuż. Dan jistaʼ jgħinek biex:

  •   Tieħu deċiżjonijiet tajbin

  •   Tmur tajjeb mal-ġenituri

  •   Issib l-aqwa tip taʼ ħbieb

  •   Tkampa mal-istress

 Kif jistaʼ ktieb antik bħal dan japplika għalina llum? Dan hu possibbli għax “l-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.” (2 Timotju 3:16) Dan ifisser li l-pariri li hemm fil-Bibbja ġejjin mill-aqwa Sors possibbli.

Il-Bibbja hi bħal teżor għax fiha għerf li hu bħal ġawhar prezzjuż

 Kif għandi naqra l-Bibbja?

 Mod wieħed hu billi taqra l-Bibbja minn qoxra sa qoxra. B’hekk se jkollok idea dwar x’inhu l-messaġġ tal-Bibbja. Hemm ħafna modi kif tistaʼ taqra l-Bibbja. Ikkunsidra żewġ eżempji:

  •    Tistaʼ taqra s-66 ktieb tal-Bibbja bl-ordni kif jidhru, minn Ġenesi sa Rivelazzjoni.

  •    Tistaʼ taqra l-Bibbja b’mod kronoloġiku—jiġifieri, bil-mod kif seħħew l-affarijiet wara xulxin.

 Suġġeriment: Fil-ktejjeb Gwida għall-istudju tal-Kelma t’Alla taqsima 4, se ssib lista kronoloġika tal-ġrajjiet prinċipali fil-ħajja taʼ Ġesù.

 Mod ieħor kif taqra l-Bibbja hu billi tagħżel rakkont li għandu x’jaqsam maʼ problema li qed taffaċċja. Pereżempju:

 Suġġeriment: Meta taqra l-Bibbja, agħmel ċert li tkun f’post għal kwiet ħalli tkun tistaʼ tikkonċentra.

 Terġaʼ mod ieħor kif taqra l-Bibbja hu billi tagħżel rakkont jew salm, taqrah, u mbagħad tara kif tistaʼ tapplikah f’ħajtek. Wara li taqra, ikkunsidra mistoqsijiet bħal:

  •    Ġeħova għala niżżel dan fil-Bibbja?

  •    Dan x’jurini dwar il-personalità taʼ Ġeħova jew il-mod kif jagħmel l-affarijiet?

  •    Kif nistaʼ napplika dan f’ħajti?

 Suġġeriment: Għala ma tagħmilx mira? Niżżel id-data taʼ meta tixtieq tibda l-iskeda personali taʼ qari tal-Bibbja.