Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Hija magħżula diġà d-data tal-mewt tagħna?

Hija magħżula diġà d-data tal-mewt tagħna?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

Le, mhijiex magħżula, jew predestinata, id-​data tal-​mewt tagħna. Minflok ma tappoġġa t-​twemmin fid-​destin, il-​Bibbja tgħid li l-​mewt taʼ spiss tiġi minħabba “ġrajjiet mhux mistennijin.”​—Ekkleżjasti 9:11.

Il-​Bibbja ma tgħidx li hemm “żmien li tmut”?

Iva, Ekkleżjasti 3:2 jgħid li hemm “żmien li titwieled, u żmien li tmut; żmien li tħawwel, u żmien li taħsad l-​imħawwel.” (Għaqda Biblika Maltija) Madankollu, il-​kuntest taʼ dan il-​vers juri li l-​Bibbja qed tiddiskuti ġrajjiet kontinwi li huma komuni fil-​ħajja. (Ekkleżjasti 3:1-​8) Alla ma ddeċidiex minn qabel xi ħin speċifiku meta għandna mmutu, l-​istess kif ma jisforzax bidwi biex jiżraʼ f’xi ħin partikulari. Minflok, il-​punt hu biex nevitaw li nkunu tant preokkupati b’affarijiet t’inqas importanza li nispiċċaw nittraskuraw il-​Ħallieq tagħna.​—Ekkleżjasti 3:11; 12:1, 13.

Il-​ħajja tistaʼ tiġi mtawla

Minkejja l-​inċertezzi tal-​ħajja, ħafna drabi nistgħu ntawlu ħajjitna jekk nagħmlu deċiżjonijiet għaqlin. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​liġi taʼ l-​għaref hija sors taʼ ħajja, biex tbiegħed lil dak li jkun min-​nases tal-​mewt.” (Proverbji 13:14) Bl-​istess mod, Mosè qal lill-​Iżraelin li huma jistgħu ‘jtawlu jiemhom’ jekk jobdu l-​kmandamenti t’Alla. (Dewteronomju 6:2) B’kuntrast, aħna nistgħu bi traskuraġni nqassru l-​ħajja tagħna permezz taʼ deċiżjonijiet ħżiena jew banali.​—Ekkleżjasti 7:17.

Però, inkunu kemm inkunu għaqlin, ma nistgħux naħarbu l-​mewt. (Rumani 5:12) Madankollu, din is-​sitwazzjoni se tinbidel, għaliex il-​Bibbja twiegħed żmien fejn “ma jkunx hemm iżjed mewt.”​—Rivelazzjoni 21:4.