Xi jfisser li wieħed jitwieled mill-ġdid?
It-tweġiba tal-Bibbja
It-terminu ‘titwieled mill-ġdid’ jirreferi għal bidu ġdid fir-relazzjoni bejn Alla u l-persuna li titwieled mill-ġdid. (Ġwanni 3:3, 7) Lil dawk li jitwieldu mill-ġdid, Alla jadottahom bħala wliedu. (Rumani 8:15, 16; Galatin 4:5; 1 Ġwanni 3:1) B’mod simili għal dawk li jiġu adottati legalment, huma jesperjenzaw bidla fl-istat tagħhom u jsiru parti mill-familja t’Alla.—2 Korintin 6:18.
Persuna għala titwieled mill-ġdid?
Ġesù qal: “Jekk wieħed ma jitwilidx mill-ġdid, ma jistax jara s-saltna t’Alla.” (Ġwanni 3:3) B’hekk, il-fatt li wieħed jitwieled mill-ġdid jippreparah biex isaltan maʼ Kristu fis-Saltna t’Alla. Din is-Saltna tiggverna mis-sema, allura l-Bibbja tiddeskrivi ‘t-twelid mill-ġdid’ bħala wirt li hu “merfugħ fis-smewwiet.” (1 Pietru 1:3, 4) Dawk li jitwieldu mill-ġdid huma ċerti li se ‘jsaltnu flimkien’ maʼ Kristu.—2 Timotju 2:12; 2 Korintin 1:21, 22.
Persuna kif titwieled mill-ġdid?
Meta Ġesù ddiskuta dan is-suġġett, hu qal li dawk li jitwieldu mill-ġdid kienu se jitwieldu “mill-ilma u mill-ispirtu.” (Ġwanni 3:5) Din l-espressjoni tirreferi għall-magħmudija fl-ilma u warajha magħmudija bl-ispirtu qaddis.—Atti 1:5; 2:1-4.
Ġesù kien l-ewwel persuna li twieled mill-ġdid. Hu tgħammed fix-Xmara Ġordan, u wara Alla dilku (jew, għammdu) bl-ispirtu qaddis. B’hekk, Ġesù kien twieled mill-ġdid bl-ispirtu qaddis bħala iben Alla bit-tama li jerġaʼ jmur jgħix fis-sema. (Marku 1:9-11) Alla wettaq din it-tama billi rxoxta lil Ġesù bħala ħliqa spirtu.—Atti 13:33.
Oħrajn li jitwieldu mill-ġdid, jitgħammdu fl-ilma wkoll qabel ma jirċievu l-ispirtu qaddis. a (Atti 2:38, 41) Imbagħad huma jkollhom it-tama ċerta li jgħixu fis-sema, li Alla se jwettaq fl-irxoxt.—1 Korintin 15:42-49.
Ideat żbaljati dwar li wieħed jitwieled mill-ġdid
Idea żbaljata: Persuna trid titwieled mill-ġdid biex tikseb is-salvazzjoni jew biex issir Kristjana.
Fatt: Is-sagrifiċċju taʼ Kristu ma jipprovdix biss salvazzjoni għal dawk li jitwieldu mill-ġdid bħala wħud li se jsaltnu maʼ Kristu fis-sema. Imma jipprovdi wkoll salvazzjoni għas-sudditi fuq l-art tas-Saltna t’Alla. (1 Ġwanni 2:1, 2; Rivelazzjoni 5:9, 10) Dan it-tieni grupp taʼ Kristjani għandu l-opportunità li jgħix għal dejjem f’Ġenna fuq l-art.—Salm 37:29; Mattew 6:9, 10; Rivelazzjoni 21:1-5.
Idea żbaljata: Persuna tistaʼ tagħżel li titwieled mill-ġdid.
Fatt: L-opportunità biex wieħed ikollu relazzjoni m’Alla u jikseb is-salvazzjoni hi miftuħa għal kulħadd. (1 Timotju 2:3, 4; Ġakbu 4:8) Madankollu, hu Alla li jagħżel lil dawk li jitwieldu mill-ġdid, jew jiġu midlukin bl-ispirtu qaddis. Skont il-Bibbja, li wieħed jitwieled mill-ġdid ma jiddependix mix-xewqa jew l-isforzi taʼ dak li jkun, imma minn Alla. (Rumani 9:16) L-espressjoni ‘titwieled mill-ġdid’ tistaʼ tiġi tradotta ‘titwieled minn fuq,’ u dan juri li l-għażla taʼ dawk li jitwieldu mill-ġdid tiġi minn fuq, jew minn Alla.—Ġwanni 3:3.
a Il-każ taʼ Kornelju u dawk li kienu miegħu, kienet eċċezzjoni waħda.—Atti 10:44-48.