X’inhu l-ispirtu qaddis?
It-tweġiba tal-Bibbja
L-ispirtu qaddis hu l-qawwa t’Alla fl-azzjoni, il-forza attiva tiegħu. (Mikea 3:8; Luqa 1:35) Alla jibgħat l-ispirtu tiegħu billi juża l-enerġija tiegħu fi kwalunkwe post biex iwettaq ir-rieda tiegħu.—Salm 104:30; 139:7.
Fil-Bibbja, il-kelma “spirtu” hi traduzzjoni tal-kelma Ebrajka ruwaħ u tal-kelma Griega pnewma. Ħafna drabi, dan il-kliem jirreferi għall-forza attiva, jew l-ispirtu qaddis, t’Alla. (Ġenesi 1:2) Madankollu, il-Bibbja tuża wkoll dan il-kliem meta tirreferi għal dawn li ġejjin:
In-nifs.—Ħabakkuk 2:19; Rivelazzjoni 13:15.
Ir-riħ.—Ġenesi 8:1; Ġwanni 3:8.
Il-forza li tagħti l-ħajja lill-ħlejjaq ħajjin.—Ġob 34:14, 15.
L-attitudni taʼ persuna.—Numri 14:24.
Persuni spirti, inkluż Alla u l-anġli.—1 Slaten 22:21; Ġwanni 4:24.
Kull waħda minn dawn it-tifsiriet tagħti s-sens taʼ xi ħaġa inviżibbli għal għajnejn il-bniedem li tipproduċi effetti li jidhru. B’mod simili, l-ispirtu t’Alla, “bħar-riħ, hu inviżibbli, ma tistax tmissu, u hu qawwi.”—An Expository Dictionary of New Testament Words, minn W. E. Vine.
Il-Bibbja tirreferi wkoll għall-ispirtu qaddis t’Alla bħala “jdejh” jew ‘subgħajh.’ (Salm 8:3; 19:1; Luqa 11:20; qabbel Mattew 12:28.) Bħalma bniedem tas-sengħa juża jdejh u subgħajh biex jaħdem, Alla uża l-ispirtu tiegħu biex jipproduċi riżultati bħal dawn li ġejjin:
L-univers.—Salm 33:6; Isaija 66:1, 2.
Il-Bibbja.—2 Pietru 1:20, 21.
Il-mirakli mwettqin mill-qaddejja tiegħu tal-qedem u l-ippritkar żeluż tagħhom.—Luqa 4:18; Atti 1:8; 1 Korintin 12:4-11.
Il-kwalitajiet sbieħ li juru n-nies li jobduh.—Galatin 5:22, 23.
L-ispirtu qaddis mhuwiex persuna
Billi tirreferi għall-ispirtu t’Alla bħala “jdejh,” ‘subgħajh,’ jew ‘in-nifs tiegħu,’ il-Bibbja turi li l-ispirtu qaddis mhuwiex persuna. (Eżodu 15:8, 10) Bniedem tas-sengħa ma jistax jaħdem billi juża jdejh waħedhom, mingħajr ma juża moħħu u ġismu; bl-istess mod, l-ispirtu qaddis t’Alla jagħmel biss dak li Alla jridu jagħmel. (Luqa 11:13) Il-Bibbja tqabbel ukoll l-ispirtu t’Alla mal-ilma u tassoċjah m’affarijiet bħall-fidi u l-għerf. Dan ix-xebh kollu juri li l-ispirtu qaddis mhuwiex persuna.—Isaija 44:3; Atti 6:5; 2 Korintin 6:6.
Il-Bibbja ssemmi l-ismijiet t’Alla Ġeħova u Ibnu, Ġesù Kristu; imma mkien ma ssemmi li l-ispirtu qaddis għandu isem. (Isaija 42:8; Luqa 1:31) Meta l-martri Kristjan Stiefnu rċieva viżjoni mirakoluża mis-sema, hu ra biss żewġ persuni, mhux tlieta. Il-Bibbja tgħid: “Billi kien mimli bl-ispirtu qaddis, ħares fiss lejn is-sema u ra l-glorja t’Alla u lil Ġesù fuq il-leminija t’Alla.” (Atti 7:55) L-ispirtu qaddis kien il-qawwa t’Alla fl-azzjoni, u permezz taʼ dan l-ispirtu Stiefnu setaʼ jara l-viżjoni.
Ideat żbaljati dwar l-ispirtu qaddis
Idea żbaljata: “L-Ispirtu s-Santu,” jew l-ispirtu qaddis, hu persuna u hu parti mit-Trinità, bħalma nsibu fl-1 Ġwanni 5:7, 8 fil-verżjoni tal-Bibbja taʼ Karm Żammit.
Fatt: Il-verżjoni tal-Bibbja taʼ Karm Żammit, fl-1 Ġwanni 5:7, 8 tinkludi l-kliem “fis-smewwiet: il-Missier, il-Kelma u l-Ispirtu s-Santu: u dawn it-tlieta huma wieħed. U tlieta huma dawk li jixhdu fl-art.” Madankollu, riċerkaturi sabu li dan il-kliem ma nkitibx mill-appostlu Ġwanni, u għalhekk mhuwiex parti mill-Bibbja. Il-professur Bruce M. Metzger kiteb: “Ċertament li dan il-kliem mhuwiex ispirat u m’għandu l-ebda dritt ikun fit-Testment il-Ġdid.”—A Textual Commentary on the Greek New Testament.
Idea żbaljata: Il-Bibbja tippersonifika l-ispirtu qaddis, jew tirreferi għalih daqslikieku hu persuna, u dan jagħti prova li hu persuna.
Fatt: Xi drabi, l-Iskrittura tippersonifika l-ispirtu qaddis, imma dan ma jagħtix prova li l-ispirtu qaddis hu persuna. Il-Bibbja tippersonifika wkoll l-għerf, il-mewt, u d-dnub. (Proverbji 1:20; Rumani 5:17, 21) Pereżempju, hi tgħid li l-għerf għandu ‘l-għemil’ u ‘l-ulied,’ u d-dnub hu deskritt bħala li jqarraq, joqtol, u jipproduċi xenqa b’għira.—Mattew 11:19; Luqa 7:35; Rumani 7:8, 11.
B’mod simili, meta l-appostlu Ġwanni kkwota lil Ġesù, hu ppersonifika l-ispirtu qaddis bħala “ajjutant” li kellu jagħti prova, jiggwida, jitkellem, jismaʼ, ixandar, jigglorifika, u jirċievi. Hu uża l-pronom maskil “hu” meta rreferi għal dan “l-ajjutant.” (Ġwanni 16:7-15) Imma hu għamel hekk, għax bħall-Malti, il-kelma Griega għal “ajjutant” (parakletos) hi nom maskil u tirrikjedi pronom maskil skont ir-regoli tal-grammatika Griega.
Idea żbaljata: Il-magħmudija fl-isem tal-ispirtu qaddis tagħti prova li hu persuna.
Fatt: Xi kultant, il-Bibbja tuża l-kelma “isem” biex tirrappreżenta qawwa jew awtorità. (Dewteronomju 18:5, 19-22; Ester 8:10) Dan hu simili għall-espressjoni “f’isem il-liġi,” li ma tfissirx li l-liġi hi persuna. Individwu li jitgħammed “fl-isem tal-ispirtu qaddis” jirrikonoxxi l-qawwa u l-irwol tal-ispirtu qaddis fit-twettiq tar-rieda t’Alla.—Mattew 28:19.
Idea żbaljata: L-appostli taʼ Ġesù u dixxipli tal-bidu oħrajn emmnu li l-ispirtu qaddis kien persuna.
Fatt: La l-Bibbja ma tgħid hekk u lanqas l-istorja. L-Encyclopædia Britannica tgħid: “L-ispjegazzjoni li l-Ispirtu Qaddis kien Persuna divina separata . . . ħarġet fil-Konċilju taʼ Kostantinopli li sar fis-sena 381 ad.” Dan kien iktar minn 250 sena wara li mietu l-aħħar appostli.