Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

X’inhi l-​maħfra?

X’inhi l-​maħfra?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

Fil-​Bibbja, il-​kelma Griega tradotta “maħfra” letteralment tfisser “li tħalli għaddej,” bħal meta persuna ssellef xi flus u ma titlobhomx lura. Ġesù uża dan ix-​xebh meta għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kulmin għandu d-​dejn magħna.” (Luqa 11:4) Bl-​istess mod, fit-​tixbiha tal-​ilsir li ma weriex ħniena, Ġesù qabbel il-​maħfra maʼ li jinħafer dejn.—Mattew 18:23-​35.

Aħna naħfru lil oħrajn meta ma nibqgħux inżommu f’qalbna u ma nistennewx li jpattulna għal dak li jkun sar. Il-​Bibbja tgħallem li l-​imħabba mhix egoista hi l-​bażi tal-​maħfra vera, għax l-​imħabba “ma żżommx kont tal-​ħsara.”—1 Korintin 13:4, 5.

Il-​maħfra ma tfissirx li:

  • Tagħlaq għajnejk għall-​offiża. Infatti l-​Bibbja tikkundanna lil dawk li jsostnu li azzjonijiet ħżiena ma jagħmlux ħsara jew li huma aċċettabbli.—Isaija 5:20.

  • Tagħmel tabirruħek li l-​offiża qatt ma ġrat. Alla ħafer id-​dnubiet serji tas-​Sultan David, imma ma pproteġiex lil David mill-​konsegwenzi tal-​azzjonijiet tiegħu. Alla saħansitra ra li d-​dnubiet taʼ David jitniżżlu fil-​Bibbja, u b’hekk għadna nitgħallmu minnhom illum.—2 Samwel 12:9-​13.

  • Tħalli lil ħaddieħor jieħu vantaġġ minnek. Pereżempju, ejja ngħidu li sellift xi flus lil xi ħadd, imma hu jonfoqhom fix-​xejn u ma jistax iħallsek lura kif wiegħdek. Hu jiddispjaċih ħafna u jitolbok skuża. Int tistaʼ tagħżel li taħfirlu billi ma żżommx f’qalbek għalih, ma toqgħodx il-​ħin kollu ssemmilu din il-​kwistjoni, u forsi saħansitra taħfirlu d-​dejn. Madankollu, għandek mnejn tiddeċiedi wkoll li ma terġax isselliflu flus.—Salm 37:21; Proverbji 14:15; 22:3; Galatin 6:7.

  • Taħfer mingħajr raġuni valida. Alla ma jaħfirx lil nies li jidinbu apposta u b’intenzjoni u li ma jkunux iridu jirrikonoxxu l-​iżbalji tagħhom, ibiddlu l-​mod kif jaġixxu, u jitolbu apoloġija lil dawk li weġġgħu. (Proverbji 28:13; Atti 26:20; Ebrej 10:26) Uħud bħal dawn li ma jindmux isiru għedewwa t’Alla, u hu ma jistenniex li naħfru lil dawk li ma jaħfirx hu.—Salm 139:21, 22.

    Xi ngħidu jekk xi ħadd jittrattak ħażin ħafna u lanqas ikun irid jiskuża ruħu jew saħansitra jammetti dak li jkun għamel? Il-​Bibbja tagħti l-​parir: “Itlaq ir-​rabja u ħalli d-​dagħdigħa.” (Salm 37:8) Waqt li ma tiskużax l-​iżball, tistaʼ ma tħallix ir-​rabja tifnik. Kun ċert li Alla se jitlob kont mill-​persuna. (Ebrej 10:30, 31) Tistaʼ tikseb faraġ ukoll mill-​fatt li taf li Alla se jġib żmien fejn mhux se nibqgħu nħossu l-​uġigħ li forsi qed nesperjenzaw issa.—Isaija 65:17; Rivelazzjoni 21:4.

  • “Taħfer” kull ħaġa li tidher nuqqas żgħir f’għajnejk. Xi kultant, minflok ma niskużaw lil xi ħadd li naħsbu li offendiena, forsi jkollna bżonn nammettu li lanqas biss kellna raġuni biex nieħdu għalina. Il-​Bibbja tgħid: “Tgħaġġilx biex tieħu għalik, għax l-​istupidi jieħdu għalihom u jżommu f’qalbhom.”—Ekkleżjasti 7:9.

Kif taħfer lil xi ħadd

  1. Ftakar x’tinvolvi l-​maħfra. Ma tkunx qed tagħlaq għajnejk għall-​ħażen jew taġixxi bħallikieku qatt ma ġara​—sempliċement tħallih għaddej.

  2. Irrikonoxxi l-​benefiċċji tal-​maħfra. Li ma tibqax irrabjat u ma tibqax iżżomm f’qalbek jistgħu jgħinuk tibqaʼ kalm, ittejjeb is-​saħħa tiegħek, u jkollok iktar ferħ. (Proverbji 14:30; Mattew 5:9) Iktar importanti minn hekk, li naħfru lil oħrajn hu importanti ħafna biex Alla jaħfrilna d-​dnubiet tagħna.—Mattew 6:14, 15.

  3. Uri empatija. Ilkoll kemm aħna imperfetti. (Ġakbu 3:2) Bħalma nieħdu pjaċir meta oħrajn jaħfrulna, bl-​istess mod aħna għandna naħfru l-​iżbalji t’oħrajn.—Mattew 7:12.

  4. Kun raġunevoli. Jekk ikollna xi ħaġa żgħira għal xiex nilmentaw, nistgħu napplikaw il-​parir tal-​Bibbja: “Komplu ssaportu lil xulxin.”—Kolossin 3:13.

  5. Aġixxi malajr. Stinka biex taħfer malajr kemm jistaʼ jkun ħalli ma tħallix il-​mibegħda tbejjet f’qalbek.—Efesin 4:26, 27.