It-tweġiba tal-Bibbja

In-numri fil-Bibbja spiss jistgħu jitqiesu letterali, imma kultant jintużaw bħala simboli. Il-kuntest ġeneralment jindika jekk numru partikulari jkunx qed jintuża bħala simbolu. Ikkunsidra dawn l-eżempji tat-tifsir simboliku tan-numri fil-Bibbja:

  • 1 L-unità. Pereżempju, Ġesù talab lil Alla biex is-segwaċi tiegħu “jkunu lkoll ħaġa waħda, sabiex bħalma int, Missier, f’unjoni miegħi u jien f’unjoni miegħek.”Ġwanni 17:21; Mattew 19:6.

  • 2 F’sitwazzjoni legali, żewġ xhieda jivverifikaw il-verità taʼ kwistjoni. (Dewteronomju 17:6) B’mod simili, ir-ripetizzjoni taʼ viżjoni jew stqarrija tikkonferma li l-ħaġa hi żgura u vera. Pereżempju, meta Ġużeppi interpreta ħolma li kellu l-Fargħun tal-Eġittu, hu qal: “Il-fatt li l-ħolma ġiet ripetuta darbtejn lill-Fargħun ifisser li din il-ħaġa hija stabbilita fis-sod min-naħa taʼ l-Alla l-veru.” (Ġenesi 41:32) Fil-profeziji, “żewġt iqrun” jistgħu jirrappreżentaw żewġ ħakmiet flimkien, kif intqal lill-profeta Danjel rigward l-Imperu Medo-Persjan.Danjel 8:20, 21; Rivelazzjoni 13:11.

  • 3 Bħalma tliet xhieda jagħtu prova b’mod sod li kwistjoni hi minnha, ripetizzjoni għal tliet darbiet donnha tistabbilixxi kwistjoni jew tenfasizzaha.Eżekjel 21:27; Atti 10:9-16; Rivelazzjoni 4:8; 8:13.

  • 4 Dan jistaʼ jirrappreżenta l-kompletezza fil-forma jew fil-funzjoni, bħalma jidher fl-espressjoni “l-erbaʼ rokniet taʼ l-art.”Rivelazzjoni 7:1; 21:16; Isaija 11:12.

  • 6 Peress li hu wieħed inqas minn sebgħa, li spiss jirrappreżenta l-kompletezza, in-numru sitta jistaʼ jirreferi għal xi ħaġa mhux kompleta jew mhux perfetta jew xi ħaġa konnessa mal-għedewwa t’Alla.1 Kronaki 20:6; Danjel 3:1; Rivelazzjoni 13:18.

  • 7 Dan in-numru spiss jintuża biex jirrappreżenta l-idea tal-kompletezza. Pereżempju, Alla kkmanda lill-Iżraelin biex jimmarċjaw madwar Ġeriko sebat ijiem wara xulxin u fis-sebaʼ jum kellhom jimmarċjaw madwarha sebaʼ darbiet. (Ġożwè 6:15) Il-Bibbja fiha bosta eżempji li fihom in-numru sebgħa jintuża b’mod simili. (Levitiku 4:6; 25:8; 26:18; Salm 119:164; Rivelazzjoni 1:20; 13:1; 17:10) Meta Ġesù qal lil Pietru li għandu jaħfer lil ħuh mhux “Sa sebaʼ darbiet, imma, Sa sebgħa u sebgħin darba,” ir-ripetizzjoni tan-numru ‘sebgħa’ tah x’jifhem li għandu jaħfer “bla limitu.”Mattew 18:21, 22.

  • 10 Dan in-numru jistaʼ jirreferi għal xi ħaġa kollha kemm hi jew it-total tagħha.Eżodu 34:28; Luqa 19:13; Rivelazzjoni 2:10.

  • 12 Dan in-numru jidher li jirrappreżenta arranġament divin komplut. Pereżempju, il-viżjoni tas-sema li ngħata l-appostlu Ġwanni inkludiet belt bi “tnax-il ġebla tal-pedament, u fuqhom kien hemm it-tnax-il isem tat-tnax-il appostlu.” (Rivelazzjoni 21:14; Ġenesi 49:28) Multipli tan-numru 12 jistaʼ jkollhom tifsir simili.Rivelazzjoni 4:4; 7:4-8.

  • 40 Diversi perijodi taʼ ġudizzju jew kastig kienu konnessi man-numru 40.Ġenesi 7:4; Eżekjel 29:11, 12.

In-numeroloġija

Dawn it-tifsiriet simboliċi tan-numri fil-Bibbja huma differenti min-numeroloġija, li tinvolvi l-istudju tat-tifsira okkulta tan-numri, il-mod kif inhuma magħqudin flimkien, u l-għadd tagħhom. Pereżempju, Kabalisti Lhud analizzaw l-Iskrittura Ebrajka billi użaw teknika li biha jfittxu kodiċi moħbija fin-numri ekwivalenti għall-ittri. In-numeroloġija hija tip taʼ teħbir, li Alla jikkundanna.Dewteronomju 18:10-12.