Xi ħadd qatt ra lil Alla?
It-tweġiba tal-Bibbja
L-ebda bniedem ma ra lil Alla letteralment. (Eżodu 33:20; Ġwanni 1:18; 1 Ġwanni 4:12) Il-Bibbja tgħid li “Alla hu Spirtu”, ħliqa li hija inviżibbli għalina l-bnedmin.—Ġwanni 4:24; 1 Timotju 1:17.
Imma l-anġli jistgħu jaraw lil Alla direttament minħabba li huma ħlejjaq spirti. (Mattew 18:10) Iktar minn hekk, xi bnedmin li jmutu se jiġu mqajmin għall-ħajja fis-sema b’ġisem spirtu u mbagħad ikunu jistgħu jaraw lil Alla.—Filippin 3:20, 21; 1 Ġwanni 3:2.
Kif tistaʼ “tara” lil Alla issa?
Il-Bibbja taʼ spiss tuża b’mod figurattiv l-idea li tara. Tużaha biex tirrappreżenta għarfien iktar ċar dwar il-Bibbja. (Isaija 6:10; Ġeremija 5:21; Ġwanni 9:39-41) F’dan is-sens, persuna tistaʼ tara lil Alla issa permezz tal-‘għajnejn taʼ qalbha’ billi jkollha fidi sabiex tkun taf Lilu u tapprezza l-kwalitajiet Tiegħu. (Efesin 1:18) Il-Bibbja tiddeskrivi modi sabiex tibni din it-tip taʼ fidi.
Tgħallem dwar il-kwalitajiet t’Alla, bħall-imħabba u l-ġenerożità’ kif ukoll l-għerf u l-qawwa tiegħu, permezz tal-ħolqien tiegħu. (Rumani 1:20) Wara li kien imfakkar dwar ix-xogħlijiet kreattivi t’Alla, ir-raġel leali Ġob ħassu bħallikieku Alla kien verament quddiem għajnejh.—Ġob 42:5.
Sir af lil Alla billi tistudja l-Bibbja. Il-Bibbja tassigurana: “Jekk tfittxu [lil Alla], iħallik issibu.”—1 Kronaki 28:9; Salm 119:2; Ġwanni 17:3.
Tgħallem dwar Alla permezz tal-ħajja taʼ Ġesù. Peress li Ġesù rrifletta perfettament il-personalità taʼ Missieru, Alla Ġeħova, hu bi dritt setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-Missier.”—Ġwanni 14:9.
Għix b’tali mod li jogħġob lil Alla, u ara kif jaġixxi għalik. Ġesù qal: “Henjin dawk taʼ qalbhom safja, għax għad jaraw lil Alla.” Bħalma ssemma qabel, xi wħud li jogħġbu lil Alla se jiġu rxoxtati fis-sema, u għalhekk se “jaraw lil Alla” hemmhekk.—Mattew 5:8; Salm 11:7.
Mosè, Abraham, u oħrajn, ma rawx lil Alla b’għajnejhom stess?
F’rakkonti fejn jistaʼ jidher li l-Bibbja tgħid li l-bnedmin letteralment raw lil Alla, il-kuntest juri li Alla ġie rrappreżentat minn anġlu jew deher permezz taʼ viżjoni.
Anġli.
Fi żmien il-qedem, Alla bagħat anġli bħala rappreżentanti tiegħu biex jidhru lil bnedmin u biex jitkellmu f’ismu. (Salm 103:20) Pereżempju, Alla darba tkellem ma’ Mosè minn għollieqa taqbad, u l-Bibbja tgħid li “Mosè ħeba wiċċu, għax beżaʼ jħares lejn l-Alla l-veru.” (Eżodu 3:4, 6) Però, Mosè ma rax lil Alla b’mod letterali, għax il-kuntest juri li hu fil-fatt ra “l-anġlu taʼ Ġeħova.”—Eżodu 3:2.
B’mod simili, meta l-Bibbja tgħid li Alla “kien ikellem lil Mosè wiċċ imbwiċċ,” ifisser li Alla tkellem ma’ Mosè bħala ħabib. (Eżodu 4:10, 11; 33:11) Mosè ma rax wiċċ Alla fil-veru sens tal-kelma, għax l-informazzjoni li rċieva mingħand Alla “ngħatat permezz taʼ l-anġli.” (Galatin 3:19; Atti 7:53) Xorta waħda, il-fidi taʼ Mosè f’Alla tant kienet b’saħħitha li l-Bibbja tiddeskrivih “bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.”—Ebrej 11:27.
Bl-istess mod li hu tkellem maʼ Mosè, Alla kkomunika maʼ Abraham permezz tal-anġli. Vera, qari tal-Bibbja taʼ fuq fuq jaf jagħti l-impressjoni li Abraham letteralment ra lil Alla. (Ġenesi 18:1, 33) Madankollu, il-kuntest juri li t-“tlett irġiel” li ġew għand Abraham kienu fil-fatt anġli mibgħutin mingħand Alla. Abraham irrikonoxxiehom bħala r-rappreżentanti t’Alla u indirizzahom bħallikieku kien qed jitkellem direttament maʼ Ġeħova.—Ġenesi 18:2, 3, 22, 32; 19:1.
Viżjonijiet.
Alla deher ukoll lil bnedmin permezz taʼ viżjonijiet, jew xeni ppreżentati lill-moħħ tal-individwu. Pereżempju, meta l-Bibbja tgħid li Mosè u Iżraelin oħrajn “raw lill-Alla taʼ Israel,” huma fir-realtà “raw viżjoni taʼ l-Alla l-veru.” (Eżodu 24:9-11) Bl-istess mod, il-Bibbja xi kultant tgħid li xi profeti ‘raw lil Ġeħova.ʼ (Isaija 6:1; Danjel 7:9; Għamos 9:1) F’kull każ, il-kuntest juri li huma raw viżjoni t’Alla u mhux lilu nnifsu.—Isaija 1:1; Danjel 7:2; Għamos 1:1.