Il-Bibbja x’tgħid dwar li tħobb lilek innifsek?
It-tweġiba tal-Bibbja
Il-Bibbja turi li huwa xieraq, saħansitra neċessarju, li tħobb lilek innifsek sa ċertu punt. Imħabba bħal din tinkludi li tieħu ħsieb tiegħek innifsek, tirrispetta lilek innifsek, u jkollok stima tiegħek innifsek. (Mattew 10:31) Minflok ma tigglorifika l-egoiżmu, il-Bibbja tpoġġi l-imħabba lejna nfusna fil-post xieraq tagħha.
Lil min għandna nħobbu l-ewwel?
L-imħabba lejn Alla għandha tiġi l-ewwel fi qlubna. Il-Bibbja tgħallem li l-ikbar kmandament hu: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha.”—Marku 12:28-30; Dewteronomju 6:5.
It-tieni l-ikbar kmandament hu: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”—Marku 12:31; Levitiku 19:18.
Għalkemm il-Bibbja ma tinkludix kmand speċifiku biex tħobb lilek innifsek, il-kmand sabiex ‘tħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek’ jindika li huwa normali u taʼ benefiċċju li jkollok ammont raġunevoli taʼ mħabba u rispett lejk innifsek.
Ġesù lil min kien iħobb l-ewwel?
Ġesù wera kif nagħmlu bilanċ bejn l-imħabba lejn Alla, l-imħabba lejn il-proxxmu, u l-imħabba lejna nfusna. U hu għallem lid-dixxipli tiegħu biex jimxu fuq l-eżempju tiegħu.—Ġwanni 13:34, 35.
Hu kien iħobb lil Alla Ġeħova l-ewwel u ddedika lilu nnifsu biex iwettaq ix-xogħol Tiegħu. ‘Sabiex id-dinja tkun taf li jħobb lill-Missier,’ Ġesù għamel bħalma ordnalu l-Missier.—Ġwanni 14:31.
Ġesù ħabb lill-proxxmu tiegħu, u dan urieh billi ħa ħsieb il-bżonnijiet t’oħrajn sal-punt li ta ħajtu stess.—Mattew 20:28.
Hu wera mħabba raġunevoli lejh innifsu billi ħa l-ħin biex jistrieħ, jiekol, u jgawdi l-kumpanija tas-segwaċi tiegħu u ta’ dawk li setgħu jsiru dixxipli tiegħu.—Marku 6:31, 32; Luqa 5:29; Ġwanni 2:1, 2; 12:2.
Jekk tħobb lil oħrajn iktar minnek, se jnaqqaslek dan il-ferħ jew ir-rispett lejk innifsek?
Le, għax aħna ġejna maħluqin fuq ix-xbieha t’Alla, li l-kwalità prinċipali tiegħu hi l-imħabba mhix egoista. (Ġenesi 1:27; 1 Ġwanni 4:8) Dan ifisser li aħna maħluqin biex nuru mħabba lejn oħrajn. Huwa xieraq li jkollna ċertu mħabba lejna nfusna, madankollu, aħna nkunu l-iktar ferħanin meta nħobbu lil Alla iktar minn kull ħaġa oħra u niffokaw fuq li nagħmlu affarijiet tajbin għal ħaddieħor. Bħalma tgħid il-Bibbja, “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.
Illum hemm min jgħid li l-ferħ jiġi meta tpoġġi lilek innifsek l-ewwel. Għalihom, “ħobb lilek innifsek” ħa post “ħobb lill-proxxmu tiegħek.” Madankollu, esperjenzi tal-lum il-ġurnata jikkonfermaw li dawk li jsegwu l-parir tal-Bibbja biex ‘ma jibqgħux ifittxu dak li jaqbel lilhom, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor,’ igawdu ferħ u saħħa aħjar.—1 Korintin 10:24.