Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-​Bibbja x’tgħid dwar li tħobb lilek innifsek?

Il-​Bibbja x’tgħid dwar li tħobb lilek innifsek?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

Il-​Bibbja turi li huwa xieraq, saħansitra neċessarju, li tħobb lilek innifsek sa ċertu punt. Imħabba bħal din tinkludi li tieħu ħsieb tiegħek innifsek, tirrispetta lilek innifsek, u jkollok stima tiegħek innifsek. (Mattew 10:31) Minflok ma tigglorifika l-​egoiżmu, il-​Bibbja tpoġġi l-​imħabba lejna nfusna fil-​post xieraq tagħha.

Lil min għandna nħobbu l-​ewwel?

  1. L-​imħabba lejn Alla għandha tiġi l-​ewwel fi qlubna. Il-​Bibbja tgħallem li l-​ikbar kmandament hu: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha.”​—Marku 12:28-​30; Dewteronomju 6:5.

  2. It-​tieni l-​ikbar kmandament hu: “Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”​—Marku 12:31; Levitiku 19:18.

  3. Għalkemm il-​Bibbja ma tinkludix kmand speċifiku biex tħobb lilek innifsek, il-​kmand sabiex ‘tħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek’ jindika li huwa normali u taʼ benefiċċju li jkollok ammont raġunevoli taʼ mħabba u rispett lejk innifsek.

Ġesù lil min kien iħobb l-​ewwel?

Ġesù wera kif nagħmlu bilanċ bejn l-​imħabba lejn Alla, l-​imħabba lejn il-​proxxmu, u l-​imħabba lejna nfusna. U hu għallem lid-​dixxipli tiegħu biex jimxu fuq l-​eżempju tiegħu.​—Ġwanni 13:34, 35.

  1. Hu kien iħobb lil Alla Ġeħova l-​ewwel u ddedika lilu nnifsu biex iwettaq ix-​xogħol Tiegħu. ‘Sabiex id-​dinja tkun taf li jħobb lill-​Missier,’ Ġesù għamel bħalma ordnalu l-​Missier.​—Ġwanni 14:31.

  2. Ġesù ħabb lill-​proxxmu tiegħu, u dan urieh billi ħa ħsieb il-​bżonnijiet t’oħrajn sal-​punt li ta ħajtu stess.​—Mattew 20:28.

  3. Hu wera mħabba raġunevoli lejh innifsu billi ħa l-​ħin biex jistrieħ, jiekol, u jgawdi l-​kumpanija tas-​segwaċi tiegħu u ta’ dawk li setgħu jsiru dixxipli tiegħu.​—Marku 6:​31, 32; Luqa 5:​29; Ġwanni 2:​1, 2; 12:2.

Jekk tħobb lil oħrajn iktar minnek, se jnaqqaslek dan il-​ferħ jew ir-​rispett lejk innifsek?

Le, għax aħna ġejna maħluqin fuq ix-​xbieha t’Alla, li l-​kwalità prinċipali tiegħu hi l-​imħabba mhix egoista. (Ġenesi 1:​27; 1 Ġwanni 4:8) Dan ifisser li aħna maħluqin biex nuru mħabba lejn oħrajn. Huwa xieraq li jkollna ċertu mħabba lejna nfusna, madankollu, aħna nkunu l-​iktar ferħanin meta nħobbu lil Alla iktar minn kull ħaġa oħra u niffokaw fuq li nagħmlu affarijiet tajbin għal ħaddieħor. Bħalma tgħid il-​Bibbja, “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”​—Atti 20:35.

Illum hemm min jgħid li l-​ferħ jiġi meta tpoġġi lilek innifsek l-​ewwel. Għalihom, “ħobb lilek innifsek” ħa post “ħobb lill-​proxxmu tiegħek.” Madankollu, esperjenzi tal-​lum il-​ġurnata jikkonfermaw li dawk li jsegwu l-​parir tal-​Bibbja biex ‘ma jibqgħux ifittxu dak li jaqbel lilhom, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor,’ igawdu ferħ u saħħa aħjar.​—1 Korintin 10:24.