Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

X’inhu s-sinjal tal-“aħħar jiem,” jew “żmien it-tmiem”?

X’inhu s-sinjal tal-“aħħar jiem,” jew “żmien it-tmiem”?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

Il-​Bibbja titkellem dwar ġrajjiet u kundizzjonijiet li kellhom jimmarkaw il-​“konklużjoni tas-​sistema [preżenti],” jew “tmiem id-​dinja.” (Mattew 24:3; Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Il-​Bibbja ssejjaħ dan iż-​żmien bħala “l-​aħħar jiem,” jew “żmien it-​tmiem.” (2 Timotju 3:1; Danjel 8:19, Il-​Bibbja, Saydon) Li ġejjin huma xi aspetti importanti tal-​profeziji dwar l-​aħħar jiem, jew żmien it-​tmiem:

  • Gwerer fuq skala kbira.​—Mattew 24:7; Rivelazzjoni 6:4.

  • Ġuħ kbir.​—Mattew 24:7; Rivelazzjoni 6:5, 6.

  • Terremoti kbar.​—Luqa 21:11.

  • Pesti, jew “mard li jittieħed.”—Luqa 21:11, Il-​Bibbja, GħBM.

  • Żieda fil-​kriminalità.—Mattew 24:12.

  • Il-​bniedem kellu jkun qed jeqred l-​art.—Rivelazzjoni 11:18.

  • L-​attitudni tan-​nies kellha tmur għall-​agħar billi ħafna jsiru “ingrati, żleali, . . . ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-​tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin.”—2 Timotju 3:1-​4.

  • Familji mkissrin, b’nies “mingħajr imħabba naturali” u tfal li huma “diżubbidjenti lejn il-​ġenituri.”—2 Timotju 3:2, 3.

  • Tibred l-​imħabba li n-​nies għandhom lejn Alla.—Mattew 24:12.

  • L-​ipokresija fir-​reliġjonijiet tkun tidher ċara.—2 Timotju 3:5.

  • Fehma iktar ċara taʼ profeziji Bibliċi, inkluż dawk li għandhom x’jaqsmu mal-​aħħar jiem.—Danjel 12:4.

  • L-​aħbar tajba tas-​Saltna tiġi ppritkata fl-​art kollha.—Mattew 24:14.

  • Tmaqdir u nuqqas taʼ interess mill-​biċċa l-​kbira tan-​nies lejn l-​evidenza li t-​tmiem hu fil-​qrib.—Mattew 24:37-​39; 2 Pietru 3:3, 4.

  • Dawn il-​profeziji kellhom ikunu qed jitwettqu kollha f’daqqa.—Mattew 24:33.

Qegħdin aħna ngħixu fl-​“aħħar jiem”?

Iva. Il-​kundizzjonijiet fid-​dinja u l-​ordni taʼ kif seħħew il-​ġrajjiet tal-​Bibbja juru li l-​aħħar jiem bdew fl-​1914. F’dak iż-​żmien, is-​Saltna t’Alla bdiet tmexxi fis-​sema, u waħda mill-​ewwel azzjonijiet li ħadet kienet li keċċiet lil Satana x-​Xitan u d-​demonji mis-​sema u llimitat l-​azzjonijiet tagħhom għall-​art biss. (Rivelazzjoni 12:7-​12) L-​attitudnijiet u l-​azzjonijiet ħżiena tan-​nies, li jagħmlu l-​aħħar jiem tant ‘kritiċi u li diffiċli biex issib tarfhom,’ juru ċar l-​influwenza li Satana għandu fuq il-​bnedmin.—2 Timotju 3:1.