Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-Bibbja tgħallem dwar ir-riinkarnazzjoni?

Il-Bibbja tgħallem dwar ir-riinkarnazzjoni?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

Le. La l-​kelma “riinkarnazzjoni” u lanqas l-​idea ma tidher fil-​Bibbja. It-​twemmin fir-​riinkarnazzjoni hu bbażat fuq it-​tagħlim tal-​immortalità tar-​ruħ. * Madankollu, il-​Bibbja tgħallem li r-​ruħ hi l-​persuna kollha kemm hi, u b’hekk hija mortali. (Ġenesi 2:7, nota taʼ taħt; Eżekjel 18:4) Mal-​mewt, persuna ma tibqax teżisti.—Ġenesi 3:19; Ekkleżjasti 9:5, 6.

X’inhi d-​differenza bejn ir-​riinkarnazzjoni u l-​irxoxt?

It-​tagħlim tal-​Bibbja tal-​irxoxt mhuwiex ibbażat fuq l-​immortalità tar-​ruħ. Fl-​irxoxt, nies li mietu se jinġiebu lura għall-​eżistenza bil-​qawwa t’Alla. (Mattew 22:23, 29; Atti 24:15) L-​irxoxt joffri t-​tama pożittiva li l-​bnedmin jiġu lura f’art ġdida bil-​prospett li ma jerġgħu jmutu qatt.—2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:3, 4.

Ideat żbaljati dwar ir-​riinkarnazzjoni u l-​Bibbja

Idea żbaljata: Il-​Bibbja tgħid li l-​profeta Elija kien riinkarnat bħala Ġwanni l-​Battista.

Fatt: Alla bassar: “Qed nibagħtilkom lil Elija l-​profeta,” u Ġesù wera li Ġwanni l-​Battista wettaq din il-​profezija. (Malakija 4:5, 6; Mattew 11:13, 14) Madankollu, dan ma fissirx li Elija kien riinkarnat bħala Ġwanni l-​Battista. Ġwanni nnifsu qal li hu ma kienx Elija. (Ġwanni 1:21) Minflok, Ġwanni għamel xogħol bħal dak t’Elija, li jxandar il-​messaġġ t’Alla u jħeġġeġ lin-​nies jindmu. (1 Slaten 18:36, 37; Mattew 3:1) Ukoll, Ġwanni ta prova li kien “mimli bl-​ispirtu u l-​qawwa taʼ Elija.”—Luqa 1:13-​17, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.

Idea żbaljata: Il-​Bibbja tirreferi għar-​riinkarnazzjoni bħala “twelid mill-​ġdid.”

Fatt: Il-​Bibbja turi li twelid mill-​ġdid hu twelid mill-​ġdid spiritwali li jseħħ waqt li persuna tkun għadha ħajja. (Ġwanni 1:12, 13) Dan it-​twelid mill-​ġdid mhuwiex konsegwenza tal-​azzjonijiet tal-​passat li ma tistax tiġi evitata, imma barka mingħand Alla li tagħti lil dawk li jirċivuha tama unika għall-​futur.—Ġwanni 3:3; 1 Pietru 1:3, 4.

^ par. 3 It-​twemmin tal-​immortalità tar-​ruħ u tar-​riinkarnazzjoni jmur lura għal żmien Babilonja tal-​qedem. Iktar tard, filosfi Indjani vvintaw it-​tagħlim tal-​Karma. Skont il-​Britannica Encyclopedia of World Religions, il-​Karma hi “l-​liġi tal-​kawża u l-​effett, li tgħid li dak li wieħed jagħmel f’din il-​ħajja preżenti se jkollu l-​effetti tiegħu fil-​ħajja li jmiss.”—Paġna 913.