Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

X’inhi profezija?

X’inhi profezija?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

Profezija hija messaġġ ispirat minn Alla, rivelazzjoni divina. Il-​Bibbja tgħid li profeti “tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-​ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:20, 21) Allura, profeta hu wieħed li jirċievi messaġġ mingħand Alla u jgħaddih lin-​nies.—Atti 3:18.

Il-​profeti kif irċivew l-​informazzjoni mingħand Alla?

Alla uża diversi metodi biex jgħaddi l-​ħsibijiet tiegħu lill-​profeti tiegħu:

  • Bil-​kitba. Alla uża dan il-​metodu minn tal-​inqas f’każ wieħed meta pprovda direttament lil Mosè l-​Għaxar Kmandamenti bil-​miktub.—Eżodu 31:18.

  • Komunikazzjoni permezz tal-​anġli. Pereżempju, Alla uża anġlu biex jgħid lil Mosè dwar il-​messaġġ li kellu jwassal lill-​Fargħun tal-​Eġittu. (Eżodu 3:2-​4, 10) Meta kliem speċifiku kien taʼ importanza kbira, Alla qabbad lil xi anġli biex jgħidu bl-​eżatt il-​messaġġ tiegħu, kif għamel meta qal lil Mosè: “Niżżel bil-​miktub .  . . dan il-​kliem, għaliex hu fi qbil maʼ dan il-​kliem li se nagħmel patt miegħek u maʼ Israel.”—Eżodu 34:27. *

  • Viżjonijiet. Dawn xi drabi kienu jingħataw meta l-​profeta kien ikun imqajjem u f’sensih għalkollox. (Isaija 1:1; Ħabakkuk 1:1) Xi wħud minnhom tant kienu ċari li min jirċivihom kien jieħu sehem fihom. (Luqa 9:28-​36; Rivelazzjoni 1:10-​17) Xi drabi oħra, il-​viżjonijiet kienu jingħataw meta l-​profeta kien ikun mitluf f’estasi. (Atti 10:10, 11; 22:17-​21) Alla wkoll għadda l-​messaġġ tiegħu permezz taʼ ħolm waqt li l-​profeta kien ikun rieqed.—Danjel 7:1; Atti 16:9, 10.

  • Gwida mentali. Alla ggwida l-​ħsibijiet tal-​profeti tiegħu biex iwasslu l-​messaġġ tiegħu. Dan hu dak li trid tfisser il-​Bibbja fl-​istqarrija: “L-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.” Il-​frażi “mnebbħa minn Alla” tistaʼ tiġi tradotta wkoll ‘bin-​nifs t’Alla.’ (2 Timotju 3:16; The Emphasised Bible) Alla uża l-​ispirtu qaddis tiegħu, jew il-​forza attiva, biex jagħti ‘n-​nifs’ lill-​ideat tiegħu fl-​imħuħ tal-​qaddejja tiegħu. Il-​messaġġ kien t’Alla, imma l-​profeta kien jagħżel kif ipoġġi l-​kliem.—2 Samwel 23:1, 2.

Profezija dejjem tinvolvi tbassir dwar il-​futur?

Le, profezija tal-​Bibbja mhux dejjem tgħid x’se jiġri fil-​futur. Però, il-​maġġorparti tal-​messaġġi mingħand Alla dejjem ikunu relatati mal-​futur, anke jekk b’mod indirett. Pereżempju, il-​profeti t’Alla ripetutament wissew lill-​Iżraelin tal-​qedem dwar il-​mod taʼ ħajja mill-​agħar tagħhom. Dawn it-​twissijiet kienu jfakkruhom fil-​barkiet futuri jekk jagħtu kas, u wkoll dwar il-​gwaj li kien se jkollhom fil-​futur jekk ma jisimgħux. (Ġeremija 25:4-​6) Ir-​riżultat kien jiddependi skont l-​għażliet li l-​Iżraelin kienu se jagħmlu.—Dewteronomju 30:19, 20.

Eżempji taʼ profeziji tal-​Bibbja li ma jinvolvux tbassir

  • F’okkażjoni waħda, meta l-​Iżraelin sejħu lil Alla għall-​għajnuna, hu ma kienx għenhom. Allura, bagħtilhom profeta biex jispjegalhom li dan għamlu għax huma ma kinux obdew il-​kmandamenti Tiegħu.—Imħallfin 6:6-​10.

  • Meta Ġesù tkellem mal-​mara Samaritana, hu rrivela affarijiet dwar il-​passat tagħha li setaʼ jkun jafhom biss permezz taʼ rivelazzjoni divina. Hi ndunat li kien profeta avolja ma kien bassar xejn dwar il-​futur.—Ġwanni 4:17-​19.

  • Fil-​ġuri taʼ Ġesù, l-​għedewwa tiegħu għattewlu wiċċu, sawtuh, u mbagħad qalulu: “Ipprofetizza. Min sawtek?” Huma ma kinux qed jgħidulu biex ibassar il-​futur imma biex permezz taʼ qawwa divina jgħidilhom min kien qed jagħtih id-​daqqa.—Luqa 22:63, 64.

^ par. 7 Għalkemm f’dan l-​eżempju għall-​ewwel jaf jidher li Alla tkellem b’mod dirett maʼ Mosè, il-​Bibbja turi li Alla uża l-​anġli biex iwassal il-​patt tal-​Liġi Mosajka.—Atti 7:53; Galatin 3:19.