Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

L-Oriġini tal-Halloween—Il-Bibbja X’Tgħid Dwarha?

L-Oriġini tal-Halloween—Il-Bibbja X’Tgħid Dwarha?

It-tweġiba tal-Bibbja

Il-Bibbja ma ssemmix il-Halloween. Madankollu, kemm l-oriġini tal-qedem tal-Halloween kif ukoll id-drawwiet moderni tiegħu juru li hu ċelebrazzjoni bbażata fuq twemmin falz dwar il-mejtin u l-ispirti, jew demonji, inviżibbli.—Ara “L-istorja u d-drawwiet tal-Halloween.”

Il-Bibbja twissi: “M’għandu jkun hemm ħadd fostkom li . . . jikkonsulta mal-fatati jew l-ispirti, jew isejjaħ lill-mejtin.” (Dewteronomju 18:10-12, The Jerusalem Bible) Filwaqt li xi wħud iqisu l-Halloween bħala divertiment li ma jagħmilx ħsara, il-Bibbja tindika li l-prattiki li huma assoċjati miegħu jagħmlu ħsara. Fl-1 Korintin 10:20, 21, il-Bibbja tgħid: “Jien ma rridx li intom tidħlu f’għaqda mad-demonji. Ma tistgħux tixorbu x-xorb tal-Mulej u x-xorb tad-demonji.”—Il-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija.

L-istorja u d-drawwiet tal-Halloween

  1. Samhain: L-oriġini tal-Halloween għandha l-għeruq f’din il-“festa pagana tal-qedem li kienet tiġi ċelebrata min-nies Ċeltiċi iktar minn 2,000 sena ilu,” tgħid The World Book Encyclopedia. “Iċ-Ċelti kienu jemmnu li l-mejtin setgħu jimxu fost il-ħajjin matul dan iż-żmien. Matul is-Samhain, il-ħajjin setgħu jiltaqgħu mal-mejtin.” Madankollu, il-Bibbja tgħallem ċar u tond li l-mejtin “ma jafu assolutament xejn.” (Ekkleżjasti 9:5) B’hekk, ma jistgħux jikkuntattjaw lill-ħajjin.

  2. Il-kostumi, il-ħelu, u t-trick or treat tal-Halloween: Skont il-ktieb Halloween​—An American Holiday, An American History, xi Ċelti kienu jilbsu kostumi tal-biżaʼ sabiex l-ispirti jaħsbu b’mod żbaljat li dawk li qed jilbsuhom huma spirti wkoll u jħalluhom bi kwiethom. Oħrajn kienu joffru l-ħelu lill-ispirti biex jikkalmawhom. Fl-Ewropa medjevali, il-kleru Kattoliku adotta drawwiet pagani lokali u qabbad lis-segwaċi tiegħu jmorru minn bieb għal bieb lebsin kostumi u jitolbu għotjiet żgħar. Mill-banda l-oħra, il-Bibbja ma tippermettix it-taħlit taʼ prattiki reliġjużi foloz mal-qima lill-Alla.—2 Korintin 6:17.

  3. Il-fatati, il-vampiri, il-werewolves, is-sħaħar, u ż-zombies: Dawn ilhom ħafna assoċjati mal-qasam tal-ispirti mill-agħar. (Halloween Trivia) Il-Bibbja b’mod ċar tgħid li għandna nopponu lill-forzi tal-ispirti mill-agħar, u mhux niċċelebraw magħhom.—Efesin 6:12.

  4. Il-qaraʼ aħmar tal-Halloween: Fil-Britannja medjevali “t-tallaba kienu jmorru minn bieb għal bieb jitolbu l-ikel biex huma jitolbu għall-mejtin.” Huma kienu jġorru ‘ġdur imħaffrin bħala fanali. U x-xemgħa li kien ikun hemm fihom kienet tirrappreżenta ruħ maqbuda fil-purgatorju.’ (Halloween​—From Pagan Ritual to Party Night) Oħrajn jgħidu li dawn il-fanali kienu jintużaw biex ikeċċu lill-ispirti mill-agħar. Matul is-seklu 19, fl-Amerika taʼ Fuq, beda jintuża l-qaraʼ aħmar minflok il-ġdur għax kien hemm ħafna kif ukoll għax kien faċli biex jiġu mħaffrin u mnaqqxin. It-twemmin wara din id-drawwa—l-immortalità tar-ruħ, il-purgatorju, u t-talb għall-mejtin—mhuwiex ibbażat fuq il-Bibbja.—Eżekjel 18:4.