Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-magħmudija x’inhi?

Il-magħmudija x’inhi?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

Il-​magħmudija tirreferi li individwu jiġi mgħaddas fl-​ilma u jerġaʼ jittellaʼ mill-​ilma. * Dan jgħinna nifhmu għala Ġesù tgħammed ġo xmara fonda. (Mattew 3:13, 16) Bl-​istess mod, raġel Etjopjan talab biex jiġi mgħammed meta “waslu f’post fejn kien hemm l-​ilma.”—Atti 8:36-​40.

Xi tfisser il-​magħmudija

Il-​Bibbja tqabbel il-​magħmudija maʼ difna. (Rumani 6:4; Kolossin 2:12) Il-​magħmudija fl-​ilma tissimbolizza li wieħed imut billi jitlaq il-​ħajja li kellu qabel u jibda ħajja ġdida bħala Kristjan iddedikat lil Alla. Il-​magħmudija u l-​passi li jwasslu għaliha huma l-​arranġament t’Alla biex wieħed ikun jistaʼ jkollu kuxjenza nadifa, ibbażata fuq il-​fidi tiegħu fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu. (1 Pietru 3:21) Għalhekk, Ġesù għallem li d-​dixxipli tiegħu għandhom jitgħammdu.—Mattew 28:19, 20.

Il-​magħmudija fl-​ilma tneħħi d-​dnub?

Le. Il-​Bibbja tgħallem li aħna nistgħu nitnaddfu mid-​dnub biss permezz tad-​demm imxerred taʼ Ġesù. (Rumani 5:8, 9; 1 Ġwanni 1:7) Biex nibbenefikaw minn dan is-​sagrifiċċju, kull wieħed minna jrid juri fidi f’Ġesù, ibiddel ħajtu biex jgħix fi qbil mat-​tagħlim taʼ Ġesù, u jitgħammed.—Atti 2:38; 3:19.

Tgħallem il-​Bibbja dwar magħmudija tat-​trabi?

Le. Fil-​Bibbja ma nsibu xejn dwar il-​magħmudija tat-​trabi. Xi reliġjonijiet jagħmlu ċerimonji li fihom tarbija tiġi “mgħammda” (billi jroxxu jew iferrgħu l-​ilma fuq rasha) u tingħata isem. Imma l-​magħmudija Kristjana hija għal dawk li huma kbar biżżejjed biex jifhmu u jemmnu “l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla.” (Atti 8:12) Din tinvolvi li wieħed jismaʼ l-​Kelma t’Alla, jaċċetta dak li tgħid, u jindem—azzjonijiet li tarbija ma tistax tagħmel.—Atti 2:22, 38, 41.

Fi qbil maʼ dan, il-​Bibbja turi li Alla jqis lit-​tfal żgħar taʼ Kristjani bħala qaddisin, jew nodfa f’għajnejh, minħabba l-​fidi tal-​ġenituri tagħhom. (1 Korintin 7:14) Kieku l-​magħmudija tat-​trabi kienet meħtieġa, allura dawn it-​tfal ma kienx se jkollhom għalfejn ikunu meqjusin qaddisin bis-​saħħa taʼ xi ħadd ieħor. *

Ideat żbaljati dwar il-​magħmudija Kristjana

Idea żbaljata: Li wieħed iroxx jew iferraʼ l-​ilma fuq persuna huwa aċċettabbli daqs li wieħed jiġi mgħaddas.

Fatt: Kull magħmudija li tissemma fil-​Bibbja kienet tinvolvi li wieħed jiġi mgħaddas kompletament. Pereżempju, meta d-​dixxiplu Filippu għammed lir-​raġel Etjopjan, huma “t-​tnejn niżlu fl-​ilma” għall-​magħmudija. Wara, huma “telgħu mill-​ilma.”—Atti 8:36-​39. *

Idea żbaljata: Il-​Bibbja tagħtina x’nifhmu li t-​trabi kienu inklużi meta ssemmi li l-​membri kollha ġew mgħammdin. Pereżempju, il-​Bibbja tgħid dwar għassies tal-​ħabs ġewwa Filippi: “Hu u n-​nies kollha taʼ daru tgħammdu.”—Atti 16:31-​34.

Fatt: Ir-​rakkont tal-​għassies tal-​ħabs juri li dawk li tgħammdu fehmu “l-​kelma taʼ Ġeħova” u li huma ‘ferħu ħafna.’ (Atti 16:32, 34) Dawn il-​fatti jwasslu għall-​konklużjoni li kwalunkwe tarbija li kien hemm fid-​dar tal-​għassies ma kinitx ġiet mgħammda, għax ma setgħetx tifhem il-​kelma taʼ Ġeħova.

Idea żbaljata: Ġesù għallem dwar il-​magħmudija tat-​trabi meta qal li s-​Saltna hi għat-​tfal żgħar.—Mattew 19:13-​15; Marku 10:13-​16.

Fatt: Ġesù ma kienx qed jitkellem dwar il-​magħmudija meta qal dan il-​kliem. Minflok, hu kien qed juri li dawk li jridu jidħlu fis-​Saltna t’Alla jridu jkunu bħat-​tfal​—umli u lesti li jitgħallmu.​—Mattew 18:4; Luqa 18:16, 17.

^ par. 3 Il-​kelma Griega tradotta ‘magħmudija’ ġejja mill-​kelma li tfisser ‘tgħaddas.’ Ara t-​Theological Dictionary of the New Testament, Volume I, paġna 529.

^ par. 10 Skont The International Standard Bible Encyclopedia, ‘ma hemm assolutament xejn fit-​Testment il-​Ġdid dwar il-​magħmudija tat-​trabi.’ Tgħid ukoll li din id-​drawwa ġiet minn ‘idea żbaljata u esaġerata dwar l-​importanza tal-​magħmudija,’ jiġifieri, li l-​magħmudija minnha nfisha tneħħi d-​dnubiet.​—Volume 1, paġni 416-​417.

^ par. 13 Taħt it-​titlu ‘Magħmudija (fil-​Bibbja),’ in-​New Catholic Encyclopedia tgħid: ‘Jidher ċar li l-​magħmudija tal-​Kristjani tal-​bidu kienet issir billi wieħed jiġi mgħaddas kompletament fl-​ilma.’—Volume 2, paġna 59.