Kif nistaʼ nsib ir-reliġjon vera?
It-tweġiba tal-Bibbja
Biex tgħinna nagħrfu d-differenza bejn dawk li jipprattikaw ir-reliġjon vera u dawk li ma jipprattikawhiex, il-Bibbja tgħid: “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. In-nies ma jiġbrux l-għeneb mix-xewk jew it-tin mill-għollieq, hux tassew?” (Mattew 7:16) Sewwasew bħalma tistaʼ tagħraf dielja minn għollieqa minn dak li tipproduċi, int tistaʼ tagħraf reliġjon vera minn dik falza mill-frott tagħha, jew minn dawn il-punti li ġejjin.
Ir-reliġjon vera tgħallem il-verità li hi bbażata fuq il-Bibbja, mhux fuq dak li jaħsbu l-bnedmin. (Ġwanni 4:24; 17:17) Din tinkludi veritajiet reliġjużi dwar ir-ruħ u t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. (Salm 37:29; Isaija 35:5, 6; Eżekjel 18:4) Ukoll, ma żżommx lura milli tikxef il-gideb reliġjuż.—Mattew 15:9; 23:27, 28.
Ir-reliġjon vera tgħin lin-nies isiru jafu lil Alla, u dan jinkludi li tgħallimhom li ismu hu Ġeħova. (Salm 83:18; Isaija 42:8; Ġwanni 17:3, 6) Ma tgħallimx li ħadd ma jistaʼ jifhmu jew li hu ’l bogħod minna; minflok, tgħallem li hu jrid li jkollna relazzjoni tajba miegħu.—Ġakbu 4:8.
Ir-reliġjon vera tenfasizza li Ġesù Kristu hu l-wieħed li permezz tiegħu Alla se jġib salvazzjoni. (Atti 4:10, 12) Il-membri tagħha jobdu l-kmandi taʼ Ġesù u jistinkaw biex isegwu l-eżempju tiegħu.—Ġwanni 13:15; 15:14.
Ir-reliġjon vera tiffoka fuq is-Saltna t’Alla bħala l-unika tama għall-umanità. Il-membri tagħha b’mod żeluż jgħidu lil oħrajn dwar din is-Saltna.—Mattew 10:7; 24:14.
Ir-reliġjon vera tħeġġeġ lill-membri tagħha biex juru mħabba mhix egoistika. (Ġwanni 13:35) Tgħallimhom jirrispettaw kull grupp etniku u tilqaʼ lil nies minn kull razza, kultura, lingwa, u trobbija. (Atti 10:34, 35) Imqanqlin mill-imħabba, il-membri tagħha ma jmorrux għall-gwerra.—Mikea 4:3; 1 Ġwanni 3:11, 12.
Ir-reliġjon vera m’għandhiex kleru li jitħallas, u lill-membri tagħha ma tagħtihomx titli reliġjużi li jinstemgħu importanti u impressjonanti.—Mattew 23:8-12; 1 Pietru 5:2, 3.
Ir-reliġjon vera hi newtrali għalkollox f’affarijiet politiċi. (Ġwanni 17:16; 18:36) Madankollu, il-membri tagħha jirrispettaw u jobdu l-gvern taʼ fejn jgħixu, fi qbil mal-kmand tal-Bibbja: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari [li jirrappreżenta l-awtorità ċivili], imma lil Alla dak li hu t’Alla.”—Marku 12:17; Rumani 13:1, 2.
Ir-reliġjon vera hi mod taʼ ħajja, mhux sempliċi ritwal jew drawwa. Il-membri tagħha jgħixu fi qbil mal-livelli morali għoljin tal-Bibbja f’kull aspett taʼ ħajjithom. (Efesin 5:3-5; 1 Ġwanni 3:18) Però, minflok ma jagħmlu dan kontra qalbhom, huma ferħanin hekk kif iqimu “l-Alla l-hieni.”—1 Timotju 1:11.
Dawk li jipprattikaw ir-reliġjon vera kellhom ikunu ftit. (Mattew 7:13, 14) Membri tar-reliġjon vera spiss mhumiex rispettati, jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt, u jiġu ppersegwitati minħabba li qed jagħmlu r-rieda t’Alla.—Mattew 5:10-12.
Ir-reliġjon vera mhijiex sempliċi kwistjoni taʼ liema reliġjon tgħodd għalik
Huwa perikoluż li nagħżlu reliġjon sempliċement minħabba l-mod kif inħossuna dwarha. Il-Bibbja bassret żmien meta n-nies kienu se “jiġbru għalliema [reliġjużi] madwarhom biex jgħarrxulhom widnejhom.” (2 Timotju 4:3) B’kuntrast, il-Bibbja tinkuraġġina biex insegwu “l-qima [jew, reliġjon] li hi nadifa u bla tinġis mill-ħarsa t’Alla tagħna u Missierna,” anki jekk din ir-reliġjon ma tkunx popolari.—Ġakbu 1:27; Ġwanni 15:18, 19.