It-tweġiba tal-Bibbja

Alla jurina d-dinjità billi jagħtina l-libertà tal-għażla, il-kapaċità li nieħdu d-deċiżjonijiet tagħna stess u mhux jiddeċiedi Alla jew id-destin għalina. Ikkunsidra x’tgħallem il-Bibbja.

  • Alla ħalaq lill-bniedem fix-xbieha tiegħu. (Ġenesi 1:26) Kuntrarju għall-annimali, li ġeneralment isegwu l-istint, aħna nixbhu lill-Ħallieq tagħna li ħalaqna bil-kapaċità li nuru kwalitajiet bħall-imħabba u l-ġustizzja. U bħall-Ħallieq tagħna, għandna l-libertà tal-għażla.

  • Ġeneralment, aħna nistgħu niddeterminaw il-futur tagħna. Il-Bibbja tħeġġiġna biex ‘nagħżlu l-ħajja billi nisimgħu minn leħen’ Alla, jiġifieri nagħżlu li nobdu l-kmandamenti tiegħu. (Dewteronomju 30:19, 20) Din il-proposta kienet tkun bla sens, anzi kiefra, li kieku ma kellniex il-libertà tal-għażla. Minflok ma jisforzana biex nagħmlu dak li jgħid hu, Alla b’qalb tajba jgħidilna: “O li kieku fil-fatt tagħti kas il-kmandamenti tiegħi! Imbagħad il-paċi tiegħek tkun bħal xmara.”—Isaija 48:18.

  • Is-suċċess jew il-falliment tagħna mhuwiex iddeterminat mid-destin. Jekk aħna rridu nirnexxu f’xi biċċa xogħol, irridu naħdmu iebes. Il-Bibbja tgħid: “Kulma idek issib x’tagħmel, agħmlu bil-qawwa tiegħek kollha.” (Ekkleżjasti 9:10) Tgħid ukoll: “Il-pjanijiet tal-ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.”—Proverbji 21:5.

Il-libertà tal-għażla hija għotja prezzjuża mingħand Alla, għax tippermettilna nħobbuh ‘b’qalbna kollha’—għax inkunu rridu.—Mattew 22:37.

Mela Alla ma jikkontrollax kollox?

Il-Bibbja tgħallem li Alla Jistaʼ Kollox, li l-qawwa tiegħu mhi limitata minn ħadd ħlief minnu nnifsu. (Ġob 37:23; Isaija 40:26) Imma hu ma jużax il-qawwa tiegħu biex jikkontrolla kollox. Pereżempju, il-Bibbja tgħid li Alla kien qed ‘irażżan lilu nnifsu’ maʼ Babilonja tal-qedem, l-għadu tal-poplu tiegħu. (Isaija 42:14) B’mod simili, għalissa, hu jagħżel li jittollera lil dawk li jużaw il-libertà tal-għażla tagħhom biex jagħmlu ħsara lil oħrajn. Imma Alla mhux se jibqaʼ jagħmel dan għal dejjem.—Salm 37:10, 11.