Il-kelma t’Alla—X’inhi jew min hu?
It-tweġiba tal-Bibbja
L-espressjoni “l-kelma t’Alla” normalment tirreferi għal messaġġ divin jew għal ġabra taʼ dawn il-messaġġi. (Luqa 11:28) F’ċerti partijiet tal-Iskrittura, “Il-Kelma t’Alla” jew “il-Kelma” huma użati bħala titlu persunali.—Rivelazzjoni 19:13; Ġwanni 1:14.
Messaġġ divin. Il-profeti spiss qalu li huma wasslu l-kelma t’Alla fil-messaġġi tagħhom. Pereżempju, Ġeremija introduċa l-messaġġ profetiku tiegħu bl-espressjoni “l-kelma taʼ Ġeħova bdiet ġejja għandi.” (Ġeremija 1:4, 11, 13; 2:1) Qabel ma hu qal lil Sawl li Alla kien għażlu biex ikun sultan, il-profeta Samwel qal: “Ieqaf issa sabiex inħallik tismaʼ l-kelma t’Alla.”—1 Samwel 9:27.
Titlu persunali. Fil-Bibbja, Ġesù Kristu jiġi msejjaħ ukoll bit-titlu “l-Kelma,” kemm bħala spirtu fis-sema u anke bħala bniedem fuq l-art. Ikkunsidra xi raġunijiet għala dan hu minnu:
Il-Kelma għex qabel ma bdew jinħolqu l-affarijiet l-oħra kollha. “Fil-bidu kien il-Kelma . . . Dan kien fil-bidu m’Alla.” (Ġwanni 1:1, 2) Ġesù hu “l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu . . Hu kien qabel l-affarijiet l-oħrajn kollha.”—Kolossin 1:13-15, 17.
Il-Kelma ġie fid-dinja bħala bniedem. “Il-Kelma sar bniedem u għammar fostna.” (Ġwanni 1:14) Ġesù Kristu “xejjen lilu nnifsu u ħa s-sura taʼ lsir u sar jixbah lill-bnedmin.”—Filippin 2:5-7.
Il-Kelma huwa l-Iben t’Alla. Wara li qal li “l-Kelma sar bniedem,” kif kwotat hawn fuq, l-appostlu Ġwanni kompla jgħid: “Aħna rajna l-glorja tiegħu, glorja bħal dik taʼ iben uniġenitu mingħand missieru.” (Ġwanni 1:14) Ukoll, Ġwanni kiteb: ‘Ġesù hu l-Iben t’Alla.’—1 Ġwanni 4:15.
Il-Kelma għandu kwalitajiet li jixbhu lil dawk t’Alla. “Il-Kelma kien alla,” jew “kien divin.” (Ġwanni 1:1; An American Translation) Ġesù “hu r-riflessjoni tal-glorja tiegħu [t’Alla] u r-rappreżentazzjoni eżatta taʼ l-istess natura Tiegħu.”—Ebrej 1:2, 3.
Il-Kelma qed isaltan bħala sultan. Il-Bibbja tgħid li fuq ras il-Kelma t’Alla hemm “ħafna dijademi,” jew kuruni. (Rivelazzjoni 19:12, 13) Il-Kelma, jew Ġesù, hu msejjaħ ukoll “Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien.”—Rivelazzjoni 19:16; 1 Timotju 6:14, 15.
Il-Kelma jaqdi bħala l-kelliemi t’Alla. Milli jidher, “il-Kelma” bħala titlu jidentifika lil dak li jġorr dan it-titlu bħala l-wieħed li Alla juża biex iwassal l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet. Ġesù qal li hu wettaq dan l-irwol: “Il-Missier li bagħatni, hu stess ordnali x’għandi ngħid u x’għandi nitkellem. . .Għalhekk, dak li nitkellem nitkellmu skond kif qalhuli l-Missier.”—Ġwanni 12:49, 50.