Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il⁠-⁠Bibbja x’tgħallimna dwar dawk li jitkellmu bl⁠-⁠ilsna?

Il⁠-⁠Bibbja x’tgħallimna dwar dawk li jitkellmu bl⁠-⁠ilsna?

It⁠-⁠tweġiba tal⁠-⁠Bibbja

L⁠-⁠espressjoni “jitkellmu bl⁠-⁠ilsna” tirreferi għall⁠-⁠abbiltà mirakoluża li kellhom xi Kristjani tal⁠-⁠bidu. Dawn setgħu jitkellmu b’lingwa mingħajr lanqas biss jitgħallmuha. (Atti 10:46, Il⁠-⁠Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Il⁠-⁠kelliemi kien jiftiehem b’mod faċli minn kull min kien jitkellem b’dik il⁠-⁠lingwa. (Atti 2:4⁠-⁠8) Wieħed mir⁠-⁠rigali li l⁠-⁠ispirtu qaddis t’Alla kien ta lil xi Kristjani fl⁠-⁠ewwel seklu kien li jitkellmu bl⁠-⁠ilsna.—⁠Ebrej 2:4; 1 Korintin 12:4, 30.

 Meta u fejn bdew jitkellmu bl⁠-⁠ilsna?

L⁠-⁠ewwel darba li sar dan il⁠-⁠miraklu kien filgħodu f’jum il⁠-⁠festa Lhudija taʼ Pentekoste fis⁠-⁠sena 33 wara Kristu (WK) f’Ġerusalemm. Kien hemm madwar 120 dixxiplu taʼ Ġesù miġburin flimkien meta “mtlew bl⁠-⁠ispirtu qaddis u bdew jitkellmu b’ilsna differenti,” jiġifieri b’lingwi differenti. (Atti 1:15; 2:1⁠-⁠4) Grupp kbir taʼ nies inġabar “minn kull ġens taħt is⁠-⁠sema,” u “kull wieħed beda jismagħhom jitkellmu bil⁠-⁠lingwa tiegħu stess.”—⁠Atti 2:5, 6.

 Għala bdew jitkellmu bl⁠-⁠ilsna?

  1. Biex Alla juri li kien qed jappoġġa lill⁠-⁠Kristjani. Fil⁠-⁠passat, Alla għamel sinjali mirakolużi biex juri li qed jappoġġa lil nies leali bħal Mosè. (Eżodu 4:1⁠-⁠9, 29⁠-⁠31; Numri 17:10) L⁠-⁠iskop taʼ li jitkellmu bl⁠-⁠ilsna kien wieħed simili. Dan wera li Alla kien qed jappoġġa lill⁠-⁠kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha kif ifformat. L⁠-⁠appostlu Pawlu kiteb: “L⁠-⁠ilsna m’humiex sinjal għal dawk li jemmnu, imma għal dawk li ma jemmnux.”—⁠1 Korintin 14:22.

  2. Sabiex il⁠-⁠Kristjani jkunu jistgħu jagħtu xhieda aħjar. Dawk li semgħu lis⁠-⁠segwaċi taʼ Ġesù f’Pentekoste tas⁠-⁠sena 33 WK qalu: “Nisimgħuhom jitkellmu bl⁠-⁠ilsna tagħna dwar l⁠-⁠affarijiet grandjużi t’Alla.” (Atti 2:11) B’hekk, skop importanti ieħor taʼ dan il⁠-⁠miraklu kien biex il⁠-⁠Kristjani jkunu jistgħu ‘jagħtu xiehda bir⁠-⁠reqqa’ u biex ‘jagħmlu dixxipli min⁠-⁠nies tal⁠-⁠ġnus kollha,’ bħalma kien kmandahom Ġesù. (Atti 10:42; Mattew 28:19) Madwar 3,000 li raw dan il⁠-⁠miraklu u semgħu dak li ntqal, saru dixxipli dakinhar stess.—⁠Atti 2:41.

 Kellhom in⁠-⁠nies jibqgħu jitkellmu bl⁠-⁠ilsna?

Le. Ir⁠-⁠rigali tal⁠-⁠ispirtu qaddis, inkluż ir⁠-⁠rigal tal⁠-⁠ilsna, kienu xi ħaġa temporanja. Il⁠-⁠Bibbja bassret: “Jekk hemm l⁠-⁠għotjiet taʼ l⁠-⁠ipprofetizzar, dawn se jinġiebu fix⁠-⁠xejn; jekk hemm l⁠-⁠ilsna, dawn se jieqfu.”—⁠1 Korintin 13:8.

 Meta waqfu jitkellmu bl⁠-⁠ilsna?

Ġeneralment, dawn ir⁠-⁠rigali tal⁠-⁠ispirtu qaddis kienu jgħaddu għal għand Kristjani oħra meta kien hemm l⁠-⁠appostli preżenti. Normalment, l⁠-⁠appostli kienu jpoġġu jdejhom fuq il⁠-⁠qaddejja sħabhom. (Atti 8:18; 10:44⁠-⁠46) Milli jidher, dawk li kienu jirċievu r⁠-⁠rigali tal⁠-⁠ispirtu mill⁠-⁠appostli ma għaddewhomx lil xi ħadd ieħor. (Atti 8:5⁠-⁠7, 14⁠-⁠17) Biex nagħtu eżempju, uffiċjal tal⁠-⁠gvern jistaʼ jagħti liċenzja tas⁠-⁠sewqan lil xi ħadd, imma dan l⁠-⁠individwu m’għandux l⁠-⁠awtorità li jagħti liċenzja lil xi ħadd ieħor. Milli jidher, meta mietu l⁠-⁠appostli u dawk li kienu rċivew ir⁠-⁠rigal mingħandhom, ma kienx għad baqaʼ min jitkellem bl⁠-⁠ilsna.

 Xi ngħidu dwar dawk li llum qed jitkellmu bl⁠-⁠ilsna?

Milli jidher, ir⁠-⁠rigal mirakoluż taʼ li n⁠-⁠nies jitkellmu bl⁠-⁠ilsna spiċċa lejn l⁠-⁠aħħar tal⁠-⁠ewwel seklu WK. Illum, ħadd ma jistaʼ jinsisti li qed jitkellem bl⁠-⁠ilsna bil⁠-⁠qawwa t’Alla. *

 Kif nistgħu nkunu nafu min huma l⁠-⁠Kristjani veri?

Ġesù qal li d⁠-⁠dixxipli tiegħu se jintgħarfu mill⁠-⁠imħabba bla egoiżmu tagħhom. (Ġwanni 13:34, 35) Bl⁠-⁠istess mod, l⁠-⁠appostlu Pawlu għallem li l⁠-⁠imħabba se tibqaʼ tkun dik il⁠-⁠ħaġa li biha se jintgħarfu l⁠-⁠Kristjani veri. (1 Korintin 13:1, 8) Hu wera li permezz tal⁠-⁠ispirtu t’Alla, il⁠-⁠Kristjani se jkollhom kwalitajiet li f’daqqa jissejħu “l⁠-⁠frott taʼ l⁠-⁠ispirtu,” fejn l⁠-⁠ewwel kwalità li tissemma hi l⁠-⁠imħabba.—⁠Galatin 5:22, 23.

^ par. 20 Ara l⁠-⁠artiklu “Speaking in Tongues​—⁠Is It From God?”