Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ix-xjenza u l-Bibbja jaqblu?

Ix-xjenza u l-Bibbja jaqblu?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

Iva, għax għalkemm il-​Bibbja mhijiex ktieb tax-​xjenza, hija eżatta meta ssemmi affarijiet xjentifiċi. Ikkunsidra xi ftit eżempji li juru li x-​xjenza u l-​Bibbja huma fi qbil. Ukoll, ara xi eżempji li l-​Bibbja fiha fatti xjentifiċi li huma differenti ferm mit-​twemmin taʼ ħafna nies li kienu jgħixu fl-​istess żmien li nkitbet.

  • L-​univers kellu bidu. (Ġenesi 1:1) B’kuntrast, ħafna ħrejjef antiki ma jiddeskrivux l-​univers bħala li ġie maħluq, imma li ġie organizzat mid-​diżordni li kien hemm. Il-​Babiloniżi kienu jemmnu li l-​allat li welldu l-​univers ġew minn żewġ oċeani. Ħrejjef oħra jgħidu li l-​univers ġie minn bajda enormi.

  • L-​univers huwa mmexxi minn liġijiet tan-​natura raġunevoli, u mhux minn dak li fettlilhom dak il-​ħin l-​allat. (Ġob 38:33; Ġeremija 33:25) Ħrejjef minn madwar id-​dinja jgħallmu li l-​bnedmin huma taħt il-​kontroll tal-​allat li ma tobsorx x’jaslu jagħmlu u li xi kultant ikunu bla ħniena.

  • L-​art hija mdendla fuq ix-​xejn. (Ġob 26:7) Ħafna nies fl-​antik kienu jemmnu li l-​art kienet ċatta u sserraħ fuq ġgant jew annimal, bħal barri jew fekruna.

  • Is-​sors tax-​xmajjar u n-​nixxigħat huwa ilma li ġie evaporat minn oċeani u sorsi oħrajn u li mbagħad jaqaʼ lura lejn l-​art bħala xita, borra, jew silġ. (Ġob 36:27, 28; Ekkleżjasti 1:7; Isaija 55:10; Għamos 9:6) Il-​Griegi tal-​qedem kienu jaħsbu li l-​ilma tax-​xmajjar kien jiġi minn oċean taħt l-​art, u din l-​idea baqgħet titwemmen sas-​seklu 18.

  • Il-​muntanji jitilgħu u jinżlu, u l-​muntanji tal-​lum xi darba kienu taħt l-​oċean. (Salm 104:6, 8) B’kuntrast, ħafna ħrejjef jgħidu li l-​muntanji ġew maħluqin kif inhuma llum mill-​allat.

  • Prattiki li jżommu l-​indafa jipproteġu s-​saħħa. Il-​Liġi mogħtija lill-​ġens t’Iżrael inkludiet regolamenti għall-​ħasil wara li jintmess ġisem mejjet, kwarantina għal dawk b’marda li tittieħed, u l-​aħjar mod kif għandu jintrema l-​ħmieġ tal-​bniedem. (Levitiku 11:28; 13:1-​5; Dewteronomju 23:13) B’kuntrast, mezz taʼ kura li kien jintuża mill-​Eġizzjani meta ngħataw dawn il-​kmandamenti kien jinvolvi l-​applikar taʼ taħlita li tinkludi l-​ħmieġ tal-​bniedem fuq ġerħa.

Hemm żbalji xjentifiċi fil-​Bibbja?

Eżami raġunevoli tal-​Bibbja juri li t-​tweġiba hija le. Issa se nikkunsidraw fehmiet komuni li huma żbaljati dwar l-​eżattezza xjentifika li hemm fil-​Bibbja:

Ħrafa: Il-​Bibbja tgħid li l-​univers ġie maħluq f’sitt ijiem t-​24 siegħa.

Fatt: Il-​Bibbja ma tispeċifikax id-​data eżatta fil-​passat meta Alla ħalaq l-​univers. (Ġenesi 1:1) Kif ukoll, il-​ġranet tal-​ħolqien imsemmijin fl-​ewwel kapitlu taʼ Ġenesi kienu perijodi taʼ żminijiet li t-​tul tagħhom mhuwiex speċifikat. Fil-​fatt, il-​perijodu sħiħ li fih inħalqu s-​smewwiet u l-​art huwa wkoll imsejjaħ ġurnata.​—Ġenesi 2:4.

Ħrafa: Il-​Bibbja tgħid li l-​ħxejjex u s-​siġar ġew maħluqin qabel ma eżistiet ix-​xemx biex tgħin fil-​fotosinteżi. Din tgħin biex is-​siġar u l-​pjanti jkollhom l-​enerġija.​—Ġenesi 1:11, 16.

Fatt: Il-​Bibbja turi li x-​xemx, waħda mill-​istilel li tagħmel parti “mis-​smewwiet,” ġiet maħluqa qabel il-​ħxejjex u s-​siġar. (Ġenesi 1:1) Ftit mid-​dawl tax-​xemx laħaq wiċċ l-​art waqt l-​ewwel “jum,” jew perijodu taʼ żmien, tal-​ħolqien. Hekk kif l-​atmosfera ċċarat, mat-​tielet “jum” tal-​ħolqien, id-​dawl kien qawwi biżżejjed biex jgħin fil-​fotosinteżi. (Ġenesi 1:3-​5, 12, 13) Kien aktar tard li x-​xemx saret viżibbli ħafna minn wiċċ l-​art.​—Ġenesi 1:16.

Ħrafa: Il-​Bibbja tgħid li x-​xemx iddur mad-​dinja.

Fatt: Ekkleżjasti 1:5 jgħid: “Ix-​xemx ukoll iddiet, u x-​xemx niżlet, u ġejja tilheġ f’postha minfejn se tiddi.” Però, din l-​istqarrija sempliċement tiddeskrivi kif tidher li timxi x-​xemx minn hawn fuq l-​art. Illum il-​ġurnata stess, individwu jistaʼ juża l-​kliem “tlugħ ix-​xemx” u “nżul ix-​xemx,” minkejja l-​fatt li jkun jaf li d-​dinja ddur max-​xemx.

Ħrafa: Il-​Bibbja tgħid li d-​dinja hi ċatta.

Fatt: Il-​Bibbja tuża l-​frażi “sa truf l-​art” biex tfisser sal-​iktar parti mbiegħda tal-​art; din ma tfissirx li l-​art hija ċatta jew li għandha tarf. (Luqa 11:31) Bl-​istess mod, l-​espressjoni “l-​erbat itruf taʼ l-​art” ma tfissirx li letteralment l-​art għandha erbat itruf. Meta naqraw din l-​espressjoni, aħna nifhmu li tfisser id-​dinja kollha.​—Isaija 11:12; Luqa 13:29.

Ħrafa: Il-​Bibbja tgħid li d-​dawra taʼ ċirku hija eżatt tliet darbiet id-​daqs tal-​wisaʼ, imma fil-​fatt hi pi (π), jew 3.1416.

Fatt: Il-​qisien tal-​“baħar minn metall imdewweb” mogħtijin fl-​1 Slaten 7:23 u t-​2 Kronaki 4:2 jindikaw li l-​wisaʼ tiegħu kien taʼ 10 kubiti u li “kien jeħtieġ ħabel taʼ tletin kubitu biex idur miegħu dawramejt.” Dawn il-​qisien setgħu kienu sempliċement l-​eqreb figuri bejn wieħed u ieħor. Jistaʼ jkun possibbli wkoll li d-​dawra u l-​wisaʼ rrappreżentaw qisien taʼ ġewwa u taʼ barra tar-​reċipjent rispettivament.