Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Min imur is-sema?

Min imur is-sema?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

Alla jagħżel numru limitat taʼ Kristjani leali li, wara mewthom, jiġu rxoxtati għal ħajja fis-​sema. (1 Pietru 1:3, 4) Ladarba jkunu ntgħażlu, huma għandhom ikomplu jżommu livell Kristjan taʼ fidi u kondotta sabiex jibqgħu jikkwalifikaw biex jirċievu l-​wirt tagħhom tas-​sema.—Efesin 5:5; Filippin 3:12-​14.

Dawk li jmorru s-​sema x’se jagħmlu hemm?

Huma se jaqdu flimkien maʼ Ġesù bħala slaten u qassisin għal 1,000 sena. (Rivelazzjoni 5:9, 10; 20:6) Huma se jifformaw is-​“smewwiet ġodda,” jew gvern fis-​sema, li se jmexxi għal fuq l-​“art ġdida,” jew soċjetà taʼ bnedmin fuq l-​art. Dawn il-​mexxejja fis-​sema se jgħinu biex l-​umanità terġaʼ tkun fil-​kundizzjonijiet ġusti li Alla ried fil-​bidu.—Isaija 65:17; 2 Pietru 3:13.

Kemm hemm li se jiġu rxoxtati għas-​sema?

Il-​Bibbja tindika li 144,000 persuna se jiġu rxoxtati għal ħajja fis-​sema. (Rivelazzjoni 7:4) Fil-​viżjoni mniżżla f’​Rivelazzjoni 14:1-​3, l-​appostlu Ġwanni ra “l-​Ħaruf wieqaf fuq il-​Muntanja Sijon, u miegħu kien hemm mija u erbgħa u erbgħin elf.” F’din il-​viżjoni, “il-​Ħaruf” jirrappreżenta lil Ġesù rxoxtat. (Ġwanni 1:29; 1 Pietru 1:19) “Il-​Muntanja Sijon” tirrappreżenta l-​pożizzjoni eżaltata taʼ Ġesù u l-​144,000 persuna li jsaltnu miegħu fis-​sema.—Salm 2:6; Ebrej 12:22.

Dawk “li huma msejħin u magħżulin” biex isaltnu maʼ Kristu fis-​Saltna jissejħu “merħla żgħira.” (Rivelazzjoni 17:14; Luqa 12:32) Dan juri li huma se jkunu pjuttost ftit meta mqabblin man-​numru sħiħ tan-​nagħaġ taʼ Ġesù.—Ġwanni 10:16.

Ideat żbaljati dwar dawk li jmorru s-​sema

Idea żbaljata: In-​nies tajbin kollha jmorru s-​sema.

Fatt: Alla jwiegħed ħajja taʼ dejjem fuq l-​art għal biċċa l-​kbira tan-​nies tajbin.—Salm 37:11, 29, 34.

  • Ġesù qal: “Ebda bniedem ma telaʼ fis-​sema.” (Ġwanni 3:13) B’hekk hu wera li n-​nies tajbin li mietu qablu, bħal Abraham, Mosè, Ġob, u David, ma marrux fis-​sema. (Atti 2:29, 34) Minflok, huma kellhom it-​tama li jiġu rxoxtati għal ħajja fuq l-​art.—Ġob 14:13-​15.

  • L-​irxoxt għal ħajja fis-​sema jissejjaħ “l-​ewwel irxoxt.” (Rivelazzjoni 20:6) Dan jindika li se jkun hemm irxoxt ieħor. Dan se jkun wieħed fuq l-​art.

  • Il-​Bibbja tgħallem li taħt it-​tmexxija tas-​Saltna t’Alla, “ma jkunx hemm iżjed mewt.” (Rivelazzjoni 21:3, 4) Din il-​wegħda bilfors li tapplika għall-​art, ladarba l-​mewt qatt m’eżistiet fis-​sema.

Idea żbaljata: Kull persuna tagħżel jekk hu jew hi tirċivix ħajja fis-​sema jew fuq l-​art.

Fatt: Alla jiddetermina min mill-​Kristjani leali jirċievi “l-​premju tas-​sejħa t’Alla,” jiġifieri, it-​tama taʼ ħajja fis-​sema. (Filippin 3:14) Ix-​xewqa personali jew l-​ambizzjoni m’għandhiex x’taqsam maʼ li persuna tiġi magħżula.—Mattew 20:20-​23.

Idea żbaljata: It-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art hija waħda inferjuri, offruta biss lil dawk li mhumiex denji li jmorru fis-​sema.

Fatt: Alla jsejjaħ lil dawk li jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem fuq l-​art “in-​nies tiegħi,” “il-​magħżulin tiegħi,” u “l-​imberkin taʼ Ġeħova.” (Isaija 65:21-​23) Huma se jkollhom il-​privileġġ taʼ li jwettqu l-​iskop oriġinali t’Alla għall-​umanità—ħajja taʼ dejjem f’perfezzjoni fuq art magħmula ġenna.—Ġenesi 1:28; Salm 115:16; Isaija 45:18.

Idea żbaljata: In-​numru 144,000 li jissemma fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni hu simboliku, mhux letterali.

Fatt: Għalkemm il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni fih numri simboliċi, ftit min-​numri li juża huma letterali. Pereżempju, jitkellem dwar “it-​tnax-​il isem tat-​tnax-​il appostlu tal-​Ħaruf.” (Rivelazzjoni 21:14) Ikkunsidra l-​evidenza biex nikkonkludu li n-​numru 144,000 għandu bl-​istess mod jittieħed bħala letterali.

F’​Rivelazzjoni 7:4 hemm dokumentat “l-​għadd taʼ dawk li ġew immarkati bis-​siġill [jew, ikkonfermati għal ħajja fis-​sema], mija u erbgħa u erbgħin elf.” Fil-​kuntest li jiġi eżatt wara dan il-​vers, hemm kuntrast fi grupp ieħor taʼ nies: “folla kbira, li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha.” Dawk tal-​“folla kbira” wkoll jirċievu salvazzjoni mingħand Alla. (Rivelazzjoni 7:9, 10) Kieku n-​numru 144,000 kien simboliku, u minflok jirreferi għal grupp bla għadd, kieku l-​kuntrast bejn iż-​żewġ gruppi kien jintilef. *

Flimkien maʼ dan, il-​144,000 huma deskritti bħala li “nxtraw minn fost il-​bnedmin bħala l-​ewwel frott.” (Rivelazzjoni 14:4) L-​espressjoni “l-​ewwel frott” tirreferi għal grupp żgħir taʼ rappreżentanti magħżulin. B’mod xieraq tiddeskrivi lil dawk li se jsaltnu fis-​sema maʼ Kristu fuq numru mhux determinat taʼ sudditi fuq l-​art.—Rivelazzjoni 5:10.

^ par. 21 Bl-​istess mod, il-​Professur Robert L. Thomas kiteb hekk dwar in-​numru 144,000 imsemmi f’​Rivelazzjoni 7:4: “Hu numru definit b’kuntrast man-​numru indefinit f’vers 9. Jekk jittieħed bħala simboliku, l-​ebda numru fil-​ktieb ma jistaʼ jittieħed letteralment.”—Rivelazzjoni 1–7: An Exegetical Commentary, paġna 474.