Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

X’inhuma “l-​imfietaħ tas-​Saltna”?

X’inhuma “l-​imfietaħ tas-​Saltna”?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

“L-​imfietaħ tas-​Saltna” jirrappreżentaw l-​awtorità li ngħatat biex in-​nies ikollhom l-​opportunità li ‘jidħlu fis-​Saltna taʼ Alla.ʼ (Mattew 16:19; Atti 14:22, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) * Ġesù ta “l-​imfietaħ tas-​saltna tas-​smewwiet” lil Pietru. Dan ifisser li Pietru rċieva l-​awtorità biex juri li n-​nies leali setgħu jgawdu l-​privileġġ li jidħlu fis-​Saltna tas-​smewwiet billi jirċievu l-​ispirtu qaddis t’Alla.

L-​imfietaħ għal min kienu ntużaw?

Pietru uża l-​awtorità li tah Alla biex tliet gruppi jkollhom l-​opportunità li jidħlu fis-​Saltna:

  1. Il-​Lhud u l-​Lhud li saru Kristjani. Ftit wara l-​mewt taʼ Ġesù, Pietru inkuraġġixxa folla Lhud ħalli jaċċettaw lil Ġesù bħala l-​wieħed magħżul minn Alla li kellu jmexxi s-​Saltna. Pietru wriehom x’kellhom jagħmlu biex jiġu salvati. Allura, hu għamilha possibbli għalihom li jidħlu fis-​Saltna, u eluf “laqgħu l-​kelma.”​—Atti 2:​38-​41.

  2. Is-​Samaritani. Pietru iktar tard intbagħat għand is-​Samaritani. * Hu reġaʼ uża muftieħ tas-​Saltna meta hu u l-​appostlu Ġwanni “talbu għalihom biex jirċievu l-​ispirtu qaddis.” (Atti 8​:14-​17) B’hekk, dan għamilha possibbli għas-​Samaritani biex jidħlu fis-​Saltna.

  3. Il-​Ġentili. Tliet snin u nofs wara l-​mewt taʼ Ġesù, Alla rrivela lil Pietru li l-​Ġentili (mhux Lhud) kien se jkollhom ukoll l-​opportunità li jidħlu fis-​Saltna. Biex jagħmel dan, Pietru uża wieħed mill-​imfietaħ billi pprietka lill-​Ġentili, u għalhekk huma setgħu jirċievu l-​ispirtu qaddis, isiru Kristjani, u setgħu jsiru anki membri tas-​Saltna.​—Atti 10:30-​35, 44, 45.

Xi jfisser li ‘jidħlu fis-​Saltna’?

Dawk li fil-​fatt ‘jidħlu fis-​Saltna,’ se jmexxu maʼ Ġesù fis-​sema. Il-​Bibbja bassret li huma kienu se ‘joqogħdu bil-​qiegħda fuq tronijiet’ u “jsaltnu għal fuq l-​art.”​—Luqa 22:29, 30; Rivelazzjoni 5:​9, 10.

Ideat żbaljati dwar l-​imfietaħ tas-​Saltna

Idea żbaljata: Pietru jiddeċiedi min imur fis-​sema.

Fatt: Il-​Bibbja tgħid li hu Kristu Ġesù, u mhux Pietru, “li għandu jiġġudika l-​ħajjin u l-​mejtin.” (2 Timotju 4:1, 8; Ġwanni 5:​22) Infatti, Pietru stess qal li Ġesù hu l-​wieħed “li nħatar minn Alla biex ikun imħallef tal-​ħajjin u tal-​mejtin.”​—Atti 10:34, 42.

Idea żbaljata: Pietru jiddeċiedi meta għandu juża l-​imfietaħ tas-​Saltna.

Fatt: Meta Ġesù tkellem dwar l-​imfietaħ tas-​Saltna, hu qal lil Pietru: “Kulma torbot fuq l-​art ikun marbut fis-​smewwiet, u kulma tħoll fuq l-​art ikun maħlul fis-​smewwiet.” (Mattew 16:19, Il-​Bibbja, GħBM, Ir-​Rabaʼ Edizzjoni) Din l-​istqarrija, xi wħud jifhmuha li huwa Pietru li qal lil dawk fis-​sema x’deċiżjonijiet kellhom jieħdu. Imma l-​verbi oriġinali bil-​Grieg juru li d-​deċiżjonijiet taʼ Pietru kienu se jkunu skont dawk li jkunu ġa saru fis-​sema, u mhux skont dak li jgħid hu. *

Il-​Bibbja turi f’partijiet oħra li meta Pietru ġie biex juża l-​imfietaħ tas-​Saltna, hu kien sottomess għal dak li kien stabbilit fis-​sema. Pereżempju, meta uża t-​tielet muftieħ, hu segwa l-​istruzzjonijiet t’Alla.​—Atti 10:19, 20.

^ par. 3 Xi drabi, il-​Bibbja tuża l-​kelma “muftieħ,” jew ċavetta, bħala simbolu taʼ awtorità u responsabbiltà.​—Isaija 22:20-​22; Rivelazzjoni 3:​7, 8.

^ par. 7 Is-​Samaritani kellhom reliġjon li kienet differenti ħafna mill-​Ġudaiżmu, imma kien fiha xi tagħlim u prattiki mil-​Liġi Mosajka.

^ par. 15 Ara n-​nota bl-​Ingliż taʼ Mattew 16:19 fin-​New World Translation of the Holy Scriptures (Study Edition).